Riħ min-Nofsinhar

adrian-grima_immanuel-mifsud_rih-min-nofsinhar

Poeżiji ta’ Adrian Grima u Immanuel Mifsud u kitbiet ta’ bosta kontributuri

Edizzjoni Skarta, 2008

Rebbieħ ta’ Premju Speċjali għall-Kreattività fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb


riħ min-nofsinhar

it-tibdil fil-klima

skont Immanuel Mifsud u Adrian Grima

Edizzjoni Skarta, Ġunju 2008

http://www.skarta.org

ISBN: 978-99932-652-5-2

Iddedikat lil dawk min-nofsinhar li jaħarbu minn klima dejjem aktar ostili


Pubblikazzjonijiet oħrajn ta’ Edizzjoni Skarta

Adrian Grima, Dieser Verwundete Frühling / Dir-Rebbiegħa Midruba (2007), poeżiji

Adrian Grima, ed., Tibża’ Xejn Jekk Tibda x-Xita (2007), poeżiji

Immanuel Mifsud, Poland Pictures (2007), poeżiji


Għażla tat-testi analitiċi u traduzzjonijiet ta’ “Id-Darfur,” “Malta mħaxkna bejn impjanti nukleari” u “Il-Ħalib tat-Trabi u t-Tibdil fil-Klima” ta’ Adrian Grima

Disinn tal-qoxra u produzzjoni tal-ktieb ta’ Immanuel Mifsud

Stampat għand Paperclips, l-Imsida

Ħajr lil Siem Gabir, Harry Vassallo, PEG Ltd., María Julia Ardito OP u l-kontributuri kollha. Bl-għajnuna tal-proġett Playing Fair Alternatives ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Dawn il-poeżiji nqraw mill-awturi fil-kunċert li sar fil-Barrakka ta’ Fuq nhar il-Ħadd, 22 ta’ Ġunju, 2008, bħala parti mill-festival tal-kummerċ ġust WorldFest organizzat mill-Koperattiva Kummerċ Ġust li tmexxi l-ħanut dinji L-Arka fi 306, Triq San Pawl, il-Belt Valletta. http://www.l-arka.org

© Drittijiet miżmuma mill-awturi, il-kontributuri u mill-pubblikaturi.


Werrej

Refuġjati Ambjentali
Il-Ballata tal-Kiribati – Immanuel Mifsud
Siem jiftakar is-Siġar t’Afabet – Adrian Grima
Ix-Xemx Li Taħraq Kollox – Joseph Sciberras
Kollox Qed Jitħawwad – Joe Galea
Qilla Dejjem Tiżdied – Mario Cardona
Il-Poeżiji tas-Saħara – Immanuel Mifsud
Fejn il-Baħar Jiltaqa’ mal-Blat – Annalise Falzon
Tal-Ġelati, jew it-tropikalizzazzjoni tal-Mediterran – Adrian Grima
Il-Miti ta’ l-Agro-Enerġija – Adrian Grima
4×4 Ipparkjata fuq il-Bankina fil-Bajja ta’ San Ġiljan – Adrian Grima
Id-Darfur – Nina Brenjo
Is-Sħana Li Tkeċċi lit-Turisti – Kurt Sansone
OLA OLA OLA – Immanuel Mifsud
Is-Saħna tal-President – Adrian Grima
Malta Mħaxkna bejn Impjanti Nukleari – Ralph Cassar
Enerġija Nadifa – Adrian Grima
Il-Ħalib tat-Trabi u t-Tibdil fil-Klima – Christine Borg
Reminixxenzi ta’ Tifel fil-High Chair – Adrian Grima
Vittmi tal-Klima – Forza ta’ Bidla – Angele Deguara
Aqta’ Fjura w Ibni Kamra, jew iċ-Ċajta tad-Dollaru – Immanuel Mifsud
It-Tibdil fil-Klima u l-Ġustizzja Globali – Nathalie Grima
Todo relación – Adrian Grima
Noti bijografiċi

Refuġjati Ambjentali

Climate change and environmental damage lie behind increasingly frequent natural disasters with dramatic human consequences. Different models of the impact of climate change all present a worrying picture of human displacement. East Africa offers a stark example. All predictions are that desertification will expand steadily, making it difficult for people to earn a living and provoking further migration. All of this is happening in the absence of international capacity and determination to respond.

António Guterres, Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati, 20 ta’ Ġunju, 2007


Norman Myers, a world renowned British environmentalist and authority on biodiversity, forecast more than a decade ago that as the impact of climate change intensified, the number of people fleeing natural disasters could climb to at least 50 million by 2010. Now, as the world grapples with food shortages brought on in part by climate change, he is revising his figures upwards.

“GLOBAL: Nowhere to run from nature,” Johannesburg, 23 ta’ Mejju 2008, Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda għall-Koordinazzjonijiet ta’ l-Affarijiet Umanitarji


IL-BALLATA TAL-KIRIBATI

We may be at the point of no return, where the emissions in the atmosphere will carry on contributing to climate change, to produce a sea level change so in time our small, low-lying islands will be submerged. We don’t want to believe this, and our people don’t want to believe this. It gives us a deep sense of frustration.

Anote Tong, il-President tal-Kiribati, fil-Jum Dinji ta’ l-Ambjent, 5 ta’ Ġunju 2008

 

Mill-korall tal-Kiribati

Ħierġa għanja kollha niket

Għax l-art sbejħa lewn il-ġawhar

Issa l-mewġ donnu jrid jiret.

 

Tal-muntanji l-qċaċet bojod

Qed idubu kull mument,

U l-korall tal-Kiribati

Beda jinseġ dal-lament:

 

F’post ’il bogħod hemm art ġganteska

B’ħafna ċmieni bid-duħħan.

Hekk tiħtieġ l-ekonomija:

Li l-muntanji jsiru sħan.

 

L-ilmijiet li jdawru l-gżejjer

Qed jogħlew ’il fuq ’il fuq,

Qed iħejju n-nies ħwejjiġhom,

Qed iħejju t-triq għat-tluq.

 

Għax flok jinżel l-ilma tiela’,

Mar jixxabbat  fuq il-blat,

Għarraq taħtu r-ramel abjad,

Mar iterraq fit-triqat.

 

Setgħu biss jibqgħu iħarsu

U jittallbu ftit tal-ħniena:

“Nitolbukom biex tilqgħuna

Għax kulħadd donnu nesiena.”

 

Meta marru fl-art ġganteska

Ħalli jkellmu ’l min nesiehom,

Dan qam pront bir-ragħwa f’ħalqu

Qallhom dan biex iweġibhom:

 

X’nitnejjek mill-Kiribati.

Jiena komdu f’dan ir-ranch.

X’jimpurtani li m’hemmx xita

U li d-djar għarraq il-mewġ.

 

X’naħti jien jekk Alla ġġennen –

Bagħat il-mewġ minflok ix-xita?

Misskom tinżlu tgħidu talba

Biex lill-art jieqaf jisħitha.

 

Id-duħħan li qed issemmu

Jitla’ ’l fuq bla jagħmel ħsara.

Għandi bżonn biex niddefendi

Kontra min ġie hawn jispara.

 

L-armamenti l-importanti;

Illi d-dollaru jkun sod.

Misskom taqbdu erba’ dgħajjes

U ssalpaw xi mkien ’il bogħod.

 

X’jifhmu dawn il-ftit sajjieda

Fuq kif taħdem it-tiġrija

Tal-muniti w l-armamenti?

X’jifhmu dawn fl-ekonomija?

 

Hekk hemm bżonn f’din it-tellieqa:

Illi narmu ftit duħħan,

Ħa fis-sħana nagħmlu ż-żiffa

U fix-xitwa nkunu sħan.

 

Hekk jeħtieġ f’din it-tellieqa:4

Illi nobżqu f’wiċċ is-sema,

Illi ndardru l-ilma ġieri,

U l-ġar tagħna jmur jintrema!

 

X’il-madoffi tippretendu?

Din hi l-liġi tan-natura:

Illi jkollok naħa fqira

U jkollok oħra sinjura.

 

Tkomplux twerżqu, tkomplux tgergru,

Offrejtilkom soluzzjoni:

Aqbdu d-dgħajjes w ibdew aqdfu,

Agħmlu ġieħ ’l-emigrazzjoni.

 

Mill-korall tal-Kiribati

Ħierġa għanja kollha niket

Għax l-art sbejħa lewn il-ġawhar

Issa l-mewġ donnu jrid jiret.

 

Tal-muntanji l-qċaċet bojod

Qed idubu kull mument,

U l-korall tal-Kiribati

Beda jinseġ dal-lament:

 

Jiġi jum – dalwaqt se jasal –

Ħadd ma jibqa’ fil-laguna

Wieħed wieħed, waħda waħda

Jispiċċaw biex jitilquna.

 

Għal snin sħaħ bla qatra xita,

Sa nixfulhom l-ilmijiet

Kellhom jgħixu fuq is-siġar

Għaliex beżgħu mill-mewġiet

 

Illi telgħu ħa jgħarrquhom

Għaliex ħadd ma sema’ t-talba

Ta’ min beka fuq ix-xtajta

U minn ruħu ħarġet karba.

 

Jiġi jum – dalwaqt se jasal –

Meta, jridu w ma jridux,

Jaqbdu sorra u jitilqu

U ’l hawnhekk żgur ma jiġux.

 

Għax hawnhekk ikun mar staħba,

Għax hawnhekk ikun intemm,

Għax hawnhekk isir memorja

Li niftakru biss kemm kemm.

 

U la jitlaq l-aħħar raġel,

l-aħħar mara, l-aħħar tfal,

jibqgħu biss l-ilħna maħnuqa

ta’ dal-gżejjer, tal-korall.

Immanuel Mifsud


SIEM JIFTAKAR IS-SIĠAR T’AFABET

 

“We don’t know how people are surviving.”

Osman Saed, chief administrator of Afabet district

 

I

Awwissu 1999.

Afabet.

Temperatura 45 grad.

Billejl ma torqodx.

Bi nhar ma taħsibx.

 

Is-siġar kbar li raw lit-Taljani u l-Ingliżi deħlin;

imbagħad l-iġsma ta’ 20 000 Etjopiku bla isem

jinqlew f’Marzu tat-88;

li ċċelebraw il-ħelsien tat-93;

issa jiċċassaw minn ġol-passat

lejn belt bla weraq,

lejn meded ta’ ġradijiet;

lejn trakkijiet bl-ilma għaddejjin;

lejn gwerra li ma tista’ tintrebaħ b’xejn:

la bil-qlubija, la bit-tortura, la bil-konġura…

 

Għaxar snin ilu kienu mod ieħor

is-siġar ta’ Afabet.

Ir-ramel kien għadu ma ġiex.

 

II

Narmaw l-apparat u niffilmjaw iz-zkuk bla riq,

il-lejl bla mistrieħ.

Imbagħad is-siġar jarawna nippakkjaw

u nitilqu minn ġo l-Awwissu tal-45.

Imma fil-film ma jidher imkien id-deżert rebbieħ.

Mhux tajjeb għall-moral ta’ l-Eritrej.

 

Għalhekk,

nagħlaq għajnejja biex nara dak li ġbidna

u billejl ma nista’ norqod b’xejn.

Adrian Grima

 


Ix-Xemx Li Taħraq Kollox

Joseph Sciberras

Ottubru sar nieqes mix-xita u sħun ħafna.

Novembru, Diċembru, Jannar temp sħun ħafna, meta suppost it-temp huwa kiesaħ biex is-siġar jorqdu. Qiegħed jiġri li s-siġar saru bla mistrieh, bla saħħa, debboli għall-mard. Meta tinżel it-temperatura għal ftit jiem u terġa’ tisħon, is-siġar jaħsbu li waslet ir-rebbiegħa u jibdew jarmu l-fjuri, donnhom l-istaġuni ntilfu, bil-konsegwenza li jintilef il-frott fis-sajf. Sar komuni tara żebbuġ bi tliet qisien ta’ żebbuġ fl-istess siġra.

Frar ukoll hemm ix-xita li jew ma tagħmilx jew meta tagħmel, tinżel bil-qawwi u tispicca tkaxkar il-ħamrija u twaqqa’ l-ħitan tas-sejjieħ, bil-konsegwenza li x-xita li tagħmel tispiċċa ma tinxtorobx fil-hamrija u tispiċċa l-bahar.

Marzu sar donnu xxotta mix-xita.

Minn April ‘il quddiem tibda s-sħana u l-lupa tax-xemx taħraq kollox. Ir-raba’ tal-bagħli sar ma jwassal kważi xejn: trid issaqqi biex tiġbor xi ħaġa. Jekk isir bħal ma qiegħed jingħad, li t-temperatura titla’ żewġ gradi, nispiċċaw bla ilma fil-water table.  Dan għax fl-istess waqt li jkollna nippumpjaw aktar biex insaqqu, tagħmel anqas xita biex terġa’ timla l-blat bl-ilma għat-tisqija. Naqra naqra l-water table tispicca mimlija bl-ilma baħar. Stamba din: aktar evaporazzjoni mill-baħar minħabba ż-żieda fis-sħana, u anqas xita!

L-Antartiku jibda jinħall is-silġ u jogħla l-livell tal-baħar u ħafna raba’, bhall-Għadira, Burmarrad, il-Qammieħ u l-Pwales jispiċċaw taħt il-baħar, barra li s-sorsi ta’ l-ilma tat-tisqija  ta’ l-ispejjer li hemm qrib il-kosta jsiru ilma baħar għax jitla’ l-livell tal-baħar.

Ir-riħ min-nofsinhar sar aktar spiss u jkaxkar ir-ramel tas-Saħara u jixwi kollox u dejjem jisraq il-ħamrija l-fina mill-wiċċ tar-raba’ tagħna.

Il-bdiewa qegħdin ikunu esposti għal riskju tal-Kanċer tal-ġilda billi jkollhom jaħdmu r-raba’ mingħajr protezzjoni meta x-xogħol li jkun hemm bżonn isir irid isir ta’ bilfors.

Joseph Sciberras huwa membru tal-Koperattiva Rurali Manikata


Kollox Qed Jitħawwad

Joe Galea

Bħala bidwi, t-tibdil fil-klima qed jolqotni ħażin ħafna.

Qed nara li l-mard żdied ħafna, speċjalment il-mard tal-virus, minħabba l-UV tax-xemx. Dan ifisser ukoll li jkollna nużaw aktar bexx biex forsi nsalvaw dak li nkunu ħawwilna.

Rajna wkoll li minħabba li żdiedet is-sħana, l-insetti qerrieda żdiedu wkoll. Biżżejjed insemmu r-red spider. Tkun daqs ponta ta’ labra imma tinfestalek kullimkien bl-għanqbuta tagħha u xitla teqridhielek.

Imma l-aktar li qed naraw l-effett tat-tibdil fil-klima huwa fis-siġar tal-frott. Dawn ikunu jridu ħames ġimgħat ta’ kesħa tajba fix-Xitwa. Ksieħ għadu jagħmel, imma mhux bħal qabel. Peress li m’għadhiex tagħmel kesħa fix-xitwa s-siġar tal-frott m’għadhomx jorqdu u għalhekk ma joħorġux iż-żahar kif suppost. Kelli l-ħawħ ħareġ iż-żahar f’Lulju. Lanqas titwemmen. Suppost joħroġ f’Marzu. Tħawwad kollox u ma nafx kif nistgħu nerġgħu niġu kif konna.

U minħabba dan it-taħwid kollu li qed naraw, u toqgħod tqis kollox, żdidulna wkoll ħafna spejjeż, ħafna aktar xogħol, u rridu nsaqqu aktar spiss u nbixxu aktar. Jien għandi f’moħħi li naqleb biċċa mir-raba’ tiegħi fuq l-organic. Issa naraw kif se jirnexxili. Kollox qed jitħawwad. Ma nafx x’se jiġri.

Joe Galea huwa l-president tal-Koperattiva Rurali Manikata


Qilla Dejjem Tiżdied

Mario Cardona

Meta kont żgħir kienet l-hena tiegħi li ndur fil-ġardina tan-nanna, qalb il-larinġ, il-lumi u l-mandolin. U meta jasal Marzu u s-siġar jimtlew biż-żahar, il-ġardina kien ikun fiha riħa tfuħ li tgħaxxik u kważi tistordik. Imbagħad ir-riħ qawwi jiġi u jdakkar u jwaqqa’ l-petali tal-fjuri bojod lewn il-ħalib li jiksu l-ħamrija sewda. U minn taħt kull fjura tibda tfiġġ larinġa, jew mandolina jew lumija. Jiġi Novembru u naqtgħu l-larinġ ħalli n-nanna timla l-boroż ta’ San Martin tal-bosta neputijiet li kellha.

Meta kbirt u bnejt id-dar tiegħi fil-Manikata, għamilt ġnien bis-siġar tal-larinġ, il-mandolin u l-lumi bħal tan-nanna. Imma minn tfuliti għaddew bosta snin u nbidlu ħafna affarijiet. Illum is-siġar li ħawwilt joħorġu b’mod regolari żahar tal-frott darbtejn fis-sena: f’Marzu u f’Settembru. Ikolli noqgħod indur mas-siġar naqtagħlhom il-fjuri kollha biex is-siġra ma tiħux kedda u trawwem żewġ boton ta’ frott. Stramba li qabel dħul ix-xitwa tidħol fil-ġardina u xxomm irwejjaħ li suppost ixxommhom f’Marzu, u tara kuluri fis-siġar li suppost tarahom ma dħul ir-rebbiegħa.

U kemm ilni nagħmilha mal-bdiewa, mhux l-irwejjaħ taż-żahar tal-frott biss qed isiru strambi u barra minn lokhom. Meta qabel kont inżur lil sħabi fl-għelieqi, kont inxomm riħa ta’ ħamrija mxarrba, ta’ demel, ta’ ħaxix u frott frisk, ta’ bexx… Kienu l-irwejjaħ li normalment wieħed jassoċja mal-bidwi. L-idejn kienu suwed faħma u mfella bit-tikmix ta’ snin twal ta’ xogħol fuq barra għall-qilla ta’ l-elementi: kesħa kbira fix-xitwa u sħana qalila fis-sajf. M’ilux inżilt inkellem lil wieħed minnhom fl-għalqa. Il-mara tiegħu kienet hemm maġenbu wkoll. U l-irwejjaħ li xammejt kienu mill-aktar strambi. Mar-riħa tal-ħamrija mxarrba, tad-demel u tal-ħaxix u l-frott frisk, żdiedet riħa oħra li għall-bidu ma stajtx naqbad x’inhi. Imma meta ħarist lejn idejn il-mara ddur ix-xtieli tat-tadam u rajthom ileqqu, indunajt li kienet għadha kif indilket dilka sun block. Ħarist lejn idejn sieħbi. Kienu matti u bla ebda riħa. U ma nafx għalfejn sewwidt qalbi. Indunajt li għalih li twieled u għex fil-ħamrija għall-qilla ta’ l-elementi, li jidlek is-sunblock qabel jinżel jaħdem fl-għalqa kienet kważi offiża lill-virilità imma wkoll lill-memorja tal-bdiewa kollha li kellu fir-razza tiegħu. Martu kienet ftit anqas sentimentali u s-sun block dilkitu bla problemi. Ma nafx min minnhom kellu l-aktar raġun. Jekk hux min mejjel rasu b’mod pragmatiku quddiem il-qilla dejjem tiżdied tax-xemx jew inkella min b’sens ta’ kburija lejn ir-razza qadima u mhedda tal-bdiewa, ippretenda li kollox ghadu kif kien.

Mario Cardona huwa edukatur u membru tal-Koperattiva Rurali Manikata. Fl-2008 ħareġ il-ktieb Don Lorenzo Milani. L-Edukazzjoni u l-Gustizzja Socjali (Media Centre) ma’ Carmel Borg.


IL-POEŻIJI TAS-SAĦARA

 

1.

Miexi miexi d-deżert miexi,

Miexi miexi bla waqfien.

Miexi ’l isfel, miexi lejna,

Irid jasal kullimkien.

 

2.

Tassew, lill-għatx waqafnielu,

U lill-ġuħ nissaportuh;

Imma r-ramel … kif se żżommu?

Għidli ftit, kif se nwaqqfuh?

 

3. VERSI MINN NAKFA, L-ERITREA

 

Tlajna fuq l-għolja biex ħarisna ’l isfel.

Ridna nittawlu għal fuq il-Baħar l-Aħmar

u rajna biss ir-ramel: jaħraq, jismot.

 

Ġie jżurna dad-deżert, ġie jnixxfilna

il-ftit uċuħ li baqgħu jirreżistu.

Ġie jqata’ l-weraq u jħallihom għaxja.

 

Ġie jsikket l-ilħna rqaq tat-tfal qed jgħannu,

tan-nisa mgħawġin ganċ jibku fir-raba’,

ta’ żwieġhom illi xtaqu jkabbru l-frott.

 

U meta ridna ninżlu ħa nitilqu,

ħa nfittxu l-weraq ħalli jkollna x’nieklu,

intbaħna li din l-għolja saret gżira

 

imdawra bis-Saħara irrabjat.

Ġie jaħraq is-Saħara. Ġie joqtolna.

 

4. VERSI MILL-MANIKATA

 

Biż-żmien tħattabt inħawwel ’mbagħad insaqqi;

ix-xemx fellitli wiċċi bi mnifsejha;

’mma f’tarf il-jum kont nifraħ naqbad f’idi

bukketti sħaħ patata u pastard.

 

Ta’ sittin sena l-mara għadha ħdejja

b’idejha fil-ħamrija, b’daharha lejja.

Ta’ sittin sena bdiet tidlek il-krema

għax issa x-xemx bdiet tigdem flom tmellisha.

 

W allura … flok ir-riħa tat-tadam,

ir-riħa tal-ħamrija, ta’ l-għeruq,

sirt f’dawn l-għelieqi nxomm riħet l-ingwent

biex forsi nżommu ’l bogħod għadab ix-xemx.

 

Meta r-riħ min-nofsinhar jibda jonfoħ

nisma’ ħoss stramb li qabel qatt ma smajtu.

Ta’ sittin sena bdjet issa nitgħallem

il-ħsejjes tant tal-biża’ tas-Saħara.

 

Is-siġar jistaqsuli l-mistoqsija:

X’inhu dan it-taħwid li qed tħawdilna?

Minn meta xahar Settembru jasal f’Mejju

w Ottubru jirritorna f’nofs Jannar?

 

Ta’ sittin sena marti ’ssa bdiet tibża’,

u jien ta’ sittin sena bdejt ninfixel,

u s-siġar bdew jitħawdu dejjem aktar,

kull meta jiġi r-riħ min-nofsinhar.

 


Fejn il-Baħar Jiltaqa’ mal-Blat

Annalise Falzon

 

Madrid, Jannar 2008 – diversi pajjiżi tal-Mediterran jiffirmaw Protokoll dwar l-immaniġġjar integrat tal-kosta b’faxx ta’ 100 metru fuq l-art protetta mill-iżvilupp. Dan fid-dawl ta’ l-effetti serji u imminenti tat-tibdil tal-klima fuq il-baħar, b’mod partikolari fuq l-għoli fil-livell tiegħu.

Il-kosta bħala wirt komuni naturali u kulturali.

Il-kosta bħala balbuljata ta’ bini, lukandi, restoranti, boathouses u caravans, portijiet, xogħol tat-tarzna, fabbriki, smart cities, coastroad, tarmak, ramel artifiċjali, biedja, akkwakultura, traffiku, power stations, barrieri, beach concessions, yacht marinas, imnasab, rikreazzjoni, impjanti tad-drenaġġ, impjanti tad-desalinizzazzjoni, u impjanti ta’ kull xorta.

Il-kosta bħala vittma oħra tat-tibdil fil-klima.

It-tibdil fil-klima – fejn l-opinjonijiet ma jiltaqgħu (kważi) qatt

Żewġ artikli fl-istess gazzetta, fl-istess ġurnata. Wieħed jitratta dwar l-ammont ta’ flus li hemm allokati għat-turiżmu u dwar kif għandna nagħmlu biex nibqgħu nattiraw lit-turisti; l-ieħor jisħaq li skond studju li sar mid-Deutsche Bank, Malta tinsab f’pożizzjoni, xejn komda, fuq nett fil-lista ta’ pajjiżi li l-iktar li se jbatu ekonomikament minħabba l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq is-settur tat-turiżmu. Fejn hi r-rabta bejn it-tnejn? Imkien. Għaliex għalissa kuntenti nsemmu ċ-ċifra impressjonanti ta’ 1,243,510 turist u turista fis-sena u jekk tiġi ħażina nwaħħlu fuq xi riċessjoni tas-suq f’pajjiżi oħra jew fuq il-prezz għoli taż-żejt jew fuq in-nuqqas ta’ xi korsa tal-golf tħaddar tul is-sena.

Lokalment, fil-fatt, ma jidhirx li dan l-istudju kellu xi effett ta’ inkwiet kbir għax donnu hemm kwistjonijiet ferm iktar urġenti u importanti milli xi naqra tibdil fil-klima …

Mur ara, billi t-temperatura tiżdied xi grad ’l hemm u ’l hawn. Imbagħad naraw!

U mela ejja nibqgħu kollha f’raqda perpetwa u rilassanti, bħal ċerti ħlejjaq fix-xitwa.

Ejja ninsew xi erba’ noti ta’ twissija li kultant jaslu f’idejna.

Il-futur diġà magħna

Nistgħu ninjoraw il-fatt li l-maġġoranza tal-bini Malta diġà qiegħed qrib wisq tal-baħar? Ħafna miz-zona tal-kosta, speċjalment f’Malta, hija meħuda kważi kompletament minn żvilupp turistiku. Il-bajjiet ramlin huma riżorsa prinċipali fix-xhur meta t-turiżmu jkun fl-aqwa tiegħu – iżda dawn il-bajjiet huma wkoll fost l-iktar partijiet tal-kosta li huma sensittivi għal tibdil, fost oħrajn, fil-livell tal-baħar u fl-intensità tal-maltempati b’mewġ qawwi. Nistgħu noqogħdu komdi, fuq id-deckchair inħarsu lejn ir-ramliet jiċkienu? Mhux bil-mod il-mod, iżda malajr malajr! U diġà ma hemmx wisq fiex tintilef – mill-kosta kollha tal-gżejjer tagħna, xi 2% biss huma mrammlin. Se nkomplu nonfqu fi proġetti (ta’ sostenibbiltà dubjuża) ta’ ramliet artifiċjali?

30% tat-turiżmu dinji huwa kkonċentrat fil-Mediterran, ħafna minnu fi ftit ġimgħat tas-sajf, sajf li diġà huwa aħrax minnu, u li jidher li qed jiħrax iktar b’temperaturi iktar għoljin, UV perikoluż u nixfa kbira. Meta nitħaddtu fuq il-figuri tat-turiżmu f’Malta, nagħtu kas ta’ numri oħra, importanti daqs l-oħrajn, imma spiss minsija? Kemm qed jiġi kkunsmat ilma f’dan l-eqqel żmien tas-sena meta anki biċċa ġnien jixroblok glalen sħaħ biex iżżomm xi ħaġa ħajja? Jew aħjar, kemm qed innaqqsu mill-ħela u mill-konsum? Kemm qed niġbru ilma tax-xita u nirriċklaw u nagħmlu użu iktar sostenibbli? Il-gżejjer bix-xemx, iżda bla ilma, ma tantx huma attrazzjoni… huwa ironiku li l-iktar pajjiżi neqsin mill-ilma huma dawk li jimlew kullimkien swimming pools u korsi tal-golf.

Fatt: Studju tal-Blue Plan kien sab li Malta għandha l-iktar indiċi għoli ta’ kompetizzjoni għall-ilma fost in-nazzjonijiet Mediterranji. Dan l-indiċi jikkalkula kemm hemm ilma disponibbli għal kull persuna.

U min jaħseb li l-kriżi ta’ l-ilma kienet fit-tmeninijiet jew qabel, meta spiss kienet tinqata’ l-provvista, aħjar jieqaf u jaħseb ftit f’ekwazzjoni sempliċi:

Iktar gassijiet fl-atmosfera = bidla fil-klima li tinkludi iktar sħana

Iktar sħana = iktar evaporazzjoni

Iktar evaporazzjoni = inqas ilma disponibbli fuq livell lokali

Inqas xita = deżertifikazzjoni ta’ l-art

Deżertifikazzjoni = inqas biedja

Inqas xita = nuqqas ta’ riġenerazzjoni ta’ l-ilma tal-pjan

Inqas ilma tal-pjan = nixxigħat nexfin u bijodiversità mhedda; intrużjoni ta’ ilma mielaħ u spieri li ma jistgħux jintużaw

Inqas ilma fil-ġwiebi = iktar ilma jittella’ mill-ilma tal-pjan li diġà qiegħed fi stat allarmanti

Inqas ilma tal-pjan = żieda fid-dipendenza fuq l-impjanti tad-desalinizzazzjoni

Żieda fid-dipendenza fuq l-impjanti tad-desalinizzazzjoni = iktar bżonn ta’ elettriku

Iktar bżonn ta’ elettriku = żieda fil-produzzjoni ta’ gassijiet li jikontribwixxu għall-effett tas-serra u … għat-tibdil fil-klima.

Katina waħda

Kollox jaħdem f’katina. U ħadd u xejn ma jista’ jaħrab mill-effetti ta’ dan it-tibdil antropoġeniku.

Annalise Falzon taħdem ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ambjentali. Bħala gwida liċenzjata tmexxi mixjiet fil-kampanja, fi nħawi protetti u madwar il-kosta. http://natureinmalta.tripod.com/annalise.falzon@gmail.com


TAL-ĠELATI

jew it-tropikalizzazzjoni tal-Mediterran*

Parts of North and South America, northern Europe and northern and central Asia have been getting wetter since 1900, and the Sahel, the Mediterranean, southern Africa and parts of southern Asia are getting drier.

“The heat is on: the race to find innovative solutions to climate change” Euroabstracts, April 2007

 

Il-baħar qed jogħla, qed jibla’ r-ramliet,

fejn bejtu minn dejjem il-fkieren

li jieklu mill-bram bil-mijiet.

Il-baħar qed jisħon, qed jikber, u miegħu

il-bram qed jiżdied;

ifekren bla sabar fejn qabel kont tara kif folla

tinvadi bla ħniena l-bajjiet.

 

It-tfal mhux qed jgħumu,

mhux jgħoddsu bil-flippers,

mhux jibnu l-kastelli u jħaffru l-passaġġi

li jċedu bħas-silġ taħt in-nar;

mhux jiġu t-turisti, bil-ġilda ġa roża,

bl-umbrella tal-kiri, bit-tifel jippoża,

bis-sunblock jiddewweb

taħt xemx tarmi r-raġġ’ ultra vjola.

 

U m’hawnx tal-ġelati.

Qed jarma, qed jgħidu,

faċċata tal-bieb ta’ l-iskola,

 

Il-baħar bla ndiema,

bla ħniena,

qed jogħla.

 

*Wara konverżazzjoni ma’ Annalise Falzon

Adrian Grima


Il-Miti ta’ l-Agro-Enerġija

Adrian Grima

Waħda mill-isfidi l-kbar ta’ l-umanità fil-bidu tas-seklu 21 hija dik li tagħżel sorsi ta’ enerġija li tiġġedded. Mhux biss għax ir-riservi taż-żejt qegħdin jonqsu, imma wkoll minħabba l-impatt dejjem aktar negattiv tat-tibdil fil-klima li jidher li hu kkawżat primarjament mill-użu bla rażan ta’ żjut ġejjin mill-fossili. Il-futur tas-sistemi ta’ l-ikel u l-enerġija tagħna jiddependu minn din l-għażla ta’ l-enerġija.

Dawk li jsostnu li s-soluzzjoni tinsab fl-iżvilupp ta’ “bijo-żjut” jgħidu li dan il-fjuwil kapaċi jipprovdi l-enerġija li se tkun meħtieġa fil-futur u fl-istess iżid id-dħul tal-bdiewa u tagħti ħajja ġdid lil ekonomija rurali li għoddhom mietu. Dawk li ma jaqblux li din hija s-soluzzjoni jsostnu li dawn l-“agro-żjut” jinħadmu f’sistemi industrijali li jċaħħcu lill-komunitajiet mill-ġid li jkollhom. Corrina Steward, li ħadet ħsieb il-ktieb. Fueling Disaster. A Community Food Security Perspective on Agrofuels, tikteb hekk:

Agrofuels are liquid fuels from biomass grown on a large industrial agriculture scale. Agrofuels are currently produced from plants such as corn, oil palm, soy, sugar cane, sugar beet, rapeseed, canola, jatropha, rice, and wheat, as well as animal fat. They can also include trees that are grown on a large scale on plantations.

Biofuel is a problematic term because it makes no distinction of scale or production model. It is being used by industry as an umbrella term to falsely present all fuels derived from biomass as sustainable and “green.”

F’rapport dwar Fueling Disaster. A Community Food Security Perspective on Agrofuels editjat minn Corrina Steward għall-Community Food Security Coalition International Links Committee, (Diċembru 2007), jintqal ċar li għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja qed tiċċaħħad mid-dritt ta’ l-ikel.

Expansion of agrofuel production (including the industrial-scale production of “second generation” agrofuels) will directly compete with community resources for food production (e.g., land, water, and nutrients); increase dependency on food imports; and perpetuate an unregulated market for agricultural commodities that neither guarantees food for all nor fair prices for farmers.

L-agro-żjut mhumiex idea tajba għall-bdiewa l-fqar u għall-komunitajiet tagħhom fin-Nofsinhar tad-dinja. Imma fl-UE hemm min jara l-affarijiet mod ieħor. Pubblikazzjoni li tiffoka fuq x’jista’ jsir dwar it-tibdil fil-klima, “The heat is on: the race to find innovative solutions to climate change” (Euroabstracts, April 2007), l-iżvilupp ta’ “bijo-żjut” joffru tamiet kbar għall-ġejjieni: “The Biofuels Directive calls for biofuels – bioethanol and biodiesel – to take a 5.75% market share by 2010. The plan also seeks to increase the supply of raw biomass. By 2030, the EU-25 could be producing 3.5 to 4.5 times the biomass it does today and consuming a great deal more through imports.”

Il-Fuel tad-Deforestazzjoni

Il-gvern Brażiljan jikkalkula li iktar minn 90 miljun ettaru ta’ art fil-Brażil jistgħu jintużaw biex jipproduċu l-agro-żjut. Fl-Amażonja waħedha, qed jipproponi li jwarrab 70 miljun ettaru ta’ art għall-produzzjoni taż-żejt tal-palm. Dan il-prodott huwa magħruf bħala l-“fjuwil tad-deforestazzjoni.” F’kitba dwar il-miti u l-impatt ta’ l-agro-enerġija, Maria Luisa Mendonça u Marluce Melo (“Agro-Energy: Myths and Impacts,” Human Rights in Brazil 2007. A Report by the Network of Social Justice and Human Rights, ed. Evanize Sydow u Maria Luisa Mendonça) juru kif it-tkabbir ta’ dan il-prodott wassal għal ħerba sħiħa f’meded kbar ta’ art fil-foresti tal-Kolombja, l-Ekwador u l-Indoneżja.

Fil-Malasja, il-produttriċi ewlenija taż-żejt tal-palm fid-dinja, inqerdu 87% tal-foresti tal-pajjiż biex jinħadem dan iż-żejt. Fl-Indoneżja l-gvern bi ħsiebu jkabbar il-produzzjoni taż-żejt tal-palm għal sittax-il miljun ettaru u nofs, u dan kapaċi jfisser il-qerda ta’ 98% tal-foresti. Bosta għaqdiet ambjentali qed jisħqu li l-espansjoni tal-monokulturi (it-tkabbir ta’ prodott wieħed) fil-foresti, taf tħalli impatt iktar negattiv fuq it-temperatura tad-dinja mill-gassijiet tal-karbonju li joħorġu miż-żjut tal-fossili.

Riċerkaturi fl-Università ta’ Minnesota fl-Istati Uniti juru li bl-ammont ta’ qmuħ li għandek bżonn biex timla tank ta’ karozza b’dan il-fjuwil tista’ titma’ persuna għal sena sħiħa. Sena sħiħa. Skond Francisca Rodriguez, li tmexxi La Via Campesina, is-sidien sinjuruni ta’ meded kbar ta’ art, il-latifúndios, se jużaw l-art biex minflok jitimgħu lin-nies jitimgħu lill-karozzi. Quddiem dawn l-isfidi l-kbar, Rodriguez temmen li “għandna niddefendu l-impenn tagħna lejn l-art u nqajmu diskussjoni serja dwar il-mudell attwali tal-konsum u l-produzzjoni ta’ l-enerġija. Irridu nevitaw il-qerda ta’ l-artijiet għax nafu x’impatt ikollha monokultura mifruxa sew fuq il-pajjiżi tagħna.”

Mendonça u Melo jemmnu li, qabelxejn, huwa essenzjali li nbiddlu l-mod kif nikkonsmaw u kemm nikkonsmaw, għax ebda sors ta’ enerġija alternattiva mhu kapaċi jlaħħaq mad-domanda li hawn bħalissa u li dejjem tikber. Fl-istess ħin nafu li fid-dibattitu uffiċjali dwar kif se nrażżnu t-tniġġis fl-atmosfera, it-tnaqqis fil-konsum ma jissemmiex bħala waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin. “The first step in this direction would be a massive investment in public transit along with rationalization, an end to wastefulness, energy saving and implementation of a diversity of alternative and truly renewable sources of energy.”

Skond Mendonça u Melo għandna nsaħħu l-għaqdiet tal-ħaddiema rurali, dawk li jaqilgħu l-paga, u l-bdiewa ż-żgħar, biex jinbena mudell ġdid imsejjes fuq l-agrikultura tal-bdiewa ż-żgħar u fuq agro-ekoloġija bi produzzjoni diversifikata. Għandu jkun hemm ukoll politika ċara ta’ sussidji għall-produzzjoni ta’ l-ikel li ġej mingħand bdiewa żgħar.


4X4 IPPARKJATA FUQ IL-BANKINA FIL-BAJJA TA’ SAN ĠILJAN

lil refuġjat mid-Darfur

 

Ġieli rajtu l-juice tal-qamħirrum?

Għandek ħjiel ta’ kif ikun?

Tagħmlu minnu?

Taf li ma jarmix CO2?

 

Jien naħrat Malta bih.

U meta naħli tank

nerġa’ nimlieh.

 

Għadkom ma bdejtux tużawh

flok il-petrol fid-Darfur?

Adrian Grima


Id-Darfur

Siltiet minn artiklu ta’ Nina Brenjo*

“Ir-raġuni ewlenija għal dak li qed jiġri fid-Darfur hija ż-żejt.” Skond konsulent ta’ l-industrija taż-żejt li għandu x’jaqsam ma wħud mill-ikbar kumpaniji taż-żejt Sudaniżi u li tkellem ma’ LA Times, “m’hemm ebda raġuni oħra għala dan ir-reġjun kellu jisplodi b’dan il-mod.” Dan il-konsulent, li tkellem bil-kundizzjoni li ismu ma jixxandarx, qal li l-affarijiet se jmorru għall-agħar.

Ilha ħafna tiġri l-kelma li jista’ jkun hemm riservi taż-żejt fid-Darfur u kif dawn ir-riservi huma marbutin mal-konflitt li hemm fir-reġjun. Reuters AlertNet kitbet dwar dan l-iżvilupp fi storja li xandret fl-2005. Iżda jekk jinstab li dawn ix-xnigħat huma veri, u joħroġ li hemm iż-żejt taħt id-deżert tad-Darfur, dan isir kunflitt ieħor li fih iż-żejt huwa saħta minflok barka.

Jekk jinstab iż-żejt fid-Darfur dan jispjega għaliex art moxa fis-Sudan li tidher li m’għandha xejn x’toffri kebbset gwerra hekk qalila. Analist fil-belt kapitali ta’ Khartoum isostni li l-Ġnus Magħquda u pajjiżi bħall-Istati Uniti u l-Libja qed jindaħlu f’dan il-kunflitt proprju minħabba ż-żejt. Attivisti favur il-jeddijiet tal-bnedmin jgħidu li kien il-ġuħ għaż-żejt li qanqal lill-gvern Sudaniż biex jattakka lir-ribelli u jiċħad it-talbiet tagħhom fir-reġjun.

*Nina Brenjo, “The race for Darfur’s oil – a blessing or a curse?” Reuters AlertNet, 07 Mar 2007, Reuters Foundation.


Is-Sħana Li Tkeċċi lit-Turisti

Kurt Sansone

Ir-riżoluzzjoni li ppreżentat Malta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1988 dwar il-bidla fil-klima kienet tassew profetika.

Dakinhar il-Gvern Malti kien ippropona lin-NU biex il-klima tibda titqies bħala Wirt Komuni ta’ l-Umanità u għalhekk il-ħarsien tagħha jsir obbligu ta’ kull pajjiż membru.

L-ewwel paragrafu tar-riżoluzzjoni kien jitkellem dwar il-biża’ li ċerta attività umana tista’ “tbiddel il-klima globali, u hekk thedded il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri b’konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kbar.”

Dan il-kliem profetiku reġa’ ħa l-ħajja daqs ġimgħa ilu. Studju tal-bank Ġermaniż Deutsche Bank dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq it-turiżmu sab li sa l-2030, Malta se tkun l-iktar pajjiż Ewropew li se jintlaqat b’mod negattiv.

L-istudju tad-Deutsche Bank analizza kif temperaturi iktar għoljin se jħallu impatt fuq l-għażla tat-turisti meta jiġu biex isiefru. Jidħol ukoll fil-mertu ta’ problemi oħra bħan-nuqqas ta’ xita li jistgħu jbiddlu s-settur turistiku kif nafuh illum.

“Il-bidla fil-klima tista’ tbiddel b’mod permanenti l-attrazzjonijiet ta’ wħud mid-destinazzjonijiet turistiċi u tisfurzahom biex fis-snin li ġejjin jieħdu passi biex jaddattaw għat-tibdil,” itenni r-rapport.

L-Ewropa hi l-iktar reġjun turistiku importanti fid-dinja. Skond statistika ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, fl-2006 kważi 55 fil-mija tal-wasliet internazzjonali fis-settur turistiku (461 miljun) kienu fl-Ewropa.

Ir-rapport tal-bank isostni li n-nofsinhar ta’ l-Ewropa u r-reġjun tal-Mediterran huma l-iktar destinazzjonijiet favoriti fl-Ewropa. Fl-2006 kważi 165 miljun turist u turista żaru dawn ir-reġjuni.

Ix-xemx, il-bajjiet u l-baħar huma l-iktar tliet ingredjenti importanti għall-Mediterran u Malta mhix eċċezzjoni. Sa llum il-baħar u x-xemx huma l-iktar ingredjenti li jfittxu ħafna turisti li jżuru Malta tant li l-istaġun turistiku hu ikkonċentrat fix-xhur tas-sajf.

Madankollu dan il-pakkett turistiku jista’ jitlef l-attrazzjoni tiegħu skond l-istudju Ġermaniż għax bil-bidla fil-klima, sa l-2030, mistenni jkollna ħafna iktar ġranet b’temperatura medja ta’ ’l fuq minn 40 Grad Celsius u żieda fil-għadd ta’ mewġiet ta’ sħana tul ix-xhur tas-sajf.

“Nies li jħossu li l-attivitajiet tagħhom matul il-btala se jkunu ristretti minħabba s-sħana eċċessiva jistgħu jagħżlu li jmorru għall-vaganzi f’xi reġjun ieħor, jew iżuru r-reġjun tal-Mediterran fir-rebbiegħa jew il-ħarifa,” itenni r-rapport.

Iżda temp iktar sħun ma jfissirx biss li n-nies se jkunu iktar skomdi minħabba s-sħana esaġerata. Il-bidla fil-klima se twassal ukoll għal nuqqas ta’ xita li ma jgħinx biex l-ilma tal-pjan ikun riġenerat. Dan ifisser li Malta se tkun qed tiddependi ħafna iktar fuq it-tisfija ta’ l-ilma baħar biex tipproduċi l-ilma tajjeb għax-xorb. U dan ifisser spiża akbar.

L-istudju ma jomgħodhiex: Malta u Ċipru se jintlaqtu sew mill-bidla fil-klima.

Iż-żewġ gżejjer huma dipendenti ħafna fuq it-turiżmu internazzjonali u l-baħar, ix-xemx u l-klima sħuna huma l-ikbar attrazzjonijiet. Din id-dipendenza fuq settur wieħed turistiku toħloq problemi kbar għall-ekonomija u l-iżvilupp soċjali jekk it-turisti jibdew ifittxu btala fix-xemx f’postijiet fejn il-klima tkun inqas ħarxa.

Ir-rapport jgħid li l-lukandi u l-operaturi turistiċi se jkollhom jikkonċentraw il-marketing tagħhom fuq attrazzjonijiet li huma inqas dipendenti fuq il-klima. Btajjel tematiċi bħal dawk marbuta ma’ vjaġġar għal skopijiet ta’ saħħa, mixi fil-kampanja, ċikliżmu, letteratura, kultura u agrituriżmu huma alternattivi li Malta tista’ tisfrutta.

Dan ikun ifisser ukoll li l-wasla tat-turisti tkun mifruxa aħjar fuq is-sena kollha. Iżda l-istudju tad-Deutsche Bank iwissi li din it-tip ta’ diversifikazzjoni mhux bilfors se tkun suċċess f’kull destinazzjoni jew għal kull lukanda.

Ħarsa lejn ċifri ta’ l-Uffiċċju Meteoroloġiku juru li bejn l-1922 u l-2006 it-temperatura medja għal kull xahar żdiedet. Jekk wieħed iħares lejn it-tliet xhur tas-sajf it-temperatura medja għal Ġunju żdiedet minn 22.94 Grad Celsius għat-tmien snin bejn l-1922 u l-1930 għal 24.27 Grad Celsius bejn l-2001 u l-2006 filwaqt li dik għal Lulju żdiedet minn 25.89 Grad Celsius għal 27.14 Grad Celsiusu dik għal Awissu żdiedet minn 26.13 Grad Celsius għal 26.92 Grad Celsius.

Fl-istess waqt ċifri ta’ l-istess uffiċċju jikkonfermaw li l-medja ta’ xita li niżlet ukoll żdiedet matul is-snin madankollu naqsu l-ġranet li fihom tinżel ix-xita. Dan ifisser li x-xita tinżel qliel fi żmien qasir bil-konsegwenza li jiżdied l-għargħar u ħafna mill-ilma li jinżel mis-sema jispiċċa jgelgel għal ġol-baħar.

Altru milli l-effetti tal-bidla fil-klima għadhom ’il bogħod. Fl-1988 Malta kellha viżjoni fit-tul dwar l-impatt negattiv li kien se jġib miegħu t-taqlib fit-temp minħabba l-attività tal-bniedem. Issa jeħtieġ li nerġgħu nibdew inħarsu fil-futur u nibdew minn issa nippreparaw ħalli nilqgħu għal dan it-tibdil.

Jekk ma nagħmlux hekk lis-settur turistiku kif nafuh illum nistgħu nroddulu salib, bil-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali kollha li dan jista’ jġib miegħu.

Siltiet minn artiklu li kien deher fl-Illum tas-27 ta’ April 2008

Kurt Sansone huwa l-editur tal-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd Illum.


OLA OLA OLA

 

Ma tridx għerf, ma tridx wisq skola

Sabiex tkejjel l-ultra-vjola,

Sabiex tisma’ t-tfal bis-sogħla

Jew biex tħoss il-baħar jogħla.

Immanuel Mifsud


IS-SAĦNA TAL-PRESIDENT

“The Bush administration has consistently opposed economy-wide measures to limit climate-warming emissions of carbon dioxide. The United States is alone among major developed countries in rejecting the carbon-capping Kyoto Protocol.”

 Reuters, 3 ta’ Ġunju, 2008

 

Min qal li hawn xi kambjament fil-klima?

Xi prużuntuż, xi ċuċ, xi Adrian Grima?

U dan min hu? Xi ġaħan minn xi gżira?

Li jifhem donnu f’kollox, xi ras kbira?

 

Il-klima mhix tinbidel, qed inħossha.

Possibbli kieku jiena ma nħosshiex?

Ix-xemx mhux xorta tiżreġ minn filgħodu?

U tinżel qisha balzmu fuq il-friex?

 

Għax forsi nitfgħu ftit duħħan ġo l-arja?

Għax forsi qed nużaw naqr’iktar żejt?

Kemm intom delikati – ħarsu lejja:

fiż-żejt twelidt u ndlikt, fiż-żejt trabbejt.

Minkejja dan ma taralix żejt f’wiċċi

Tgħid kieku nibqa’ hawnhekk, bilqiegħda, ‘nċiċċi?

 

X’tibdil qed tħoss fil-klima, hawn illejla?

Possibbli kieku jiena ma nħossux?

Din klima ta’ demokrazija sbejħa

Ta’ fidi u paċi ġusta fost il-ġnus!

 

Ħallina minnek, qalbi, Adrian Grima,

ma tafx li mhu jiġrilha xejn il-klima?

Ħa nqabbdek ftit ma’ Dick, li jiġi taħti,

dak daħal fiha sew u jaf min jaħti.

 

Se jkolli nieqaf hawn għax qed jgħajtuli,

irrid niffirma l-karti li jgħadduli.

Imm’ inti serraħ rasek, ħalli f’idi,

jien mhux nitkellem hekk minħabba ġidi;

dan kollu allarmiżmu ftit għajjien:

id-dinja mhix tinbidel, lanqas jien.

Adrian Grima


Malta Mħaxkna bejn Impjanti Nukleari

Ralph Cassar – PR 29/05/2008 “Malta sandwiched between nuclear plants”

Alternattiva Demokratika hija mħassba sew dwar dak li qal il-Ministru Taljan Claudio Scajola li l-Italja għandha tibda tibni l-impjanti nukleari mingħajr aktar telf ta’ żmien.

Id-deċiżjoni tal-Ministru Taljan hija bbażata fuq argumenti fallaċji. L-Italja tintlaqat ta’ spiss minn attività sismika qawwija, u għaldaqstant ikollha ħafna terremoti, bil-perikli kollha li dawn kapaċi jġibu magħhom meta jaffettwaw l-impjanti nukleari. Dawn il-perikli dehru sew dan l-aħħar fil-Ġappun u ċ-Ċina. Barra minn hekk, tibqa’ l-problema ta’ xi jsir mill-iskart nukleari u kif u fejn jinħażen. Jidher li bid-deċiżjoni tal-Franċiżi li jibnu impjanti nukleari fl-Afrika ta’ Fuq u b’din id-deċiżjoni tat-Taljani, Malta se tispiċċa mħaxkna bejn għadd ta’ impjanti nukleari.

X’se tagħmel l-Italja bl-eluf ta’ tunnellati ta’ skart nukleari radjuattiv li huwa tant perikoluż? Minbarra l-problemi kbar ta’ sigurtà marbutin mal-ħażna u l-ipproċessar mill-ġdid ta’ materjal radjuattiv ħafna, f’termini purament ekonomiċi din l-għażla favur il-ġenerazzjoni ta’ enerġija nukleari mhix vijabbli lanqas. Sa 40 sena oħra, il-provvista ta’ l-uranju se tispiċċa darba għal dejjem. Meta tqis li impjant nukleari ġdid fl-Italja jrid mill-inqas 25 sena biex jinbena, l-Italja kif se tħaddem l-impjanti nukleari tagħha meta jispiċċa għal kollox l-uranju?

Ralph Cassar huwa l-kelliem ta’ l-AD dwar l-Enerġija, l-Industrija u l-Innovazzjoni


ENERĠIJA NADIFA

 

L-ewwel moviment

 

Is-soluzzjoni ’mpjanti nukleari,

konfoffa ċkejkna, dnub elementari.

Tidħol qisha għoġol, toħroġ qisha barri.

Enerġija li tiskandalizza,

trasgressjoni nukleari:

Int taħleb bla ħniena,

u hi qisha merħla baqar –

sakemm tinħeleb ta’ l-aħħar, terġa’ titfaċċa ta’ l-ewwel –

il-meravilja tan-natura.

 

Is-soluzzjoni l-qilla nukleari:

ġa qed tinbet madwarna:

Franza, l-Italja, ’l-Libja…

u tista’ tixgħel id-desktop u l-laptop f’daqqa,

u f’Jannar tiġri bil-flokk taċ-ċingi

u tiksaħ f’Awwissu…

miraklu tal-ħolqien li kif tmissu…

 

It-tieni moviment

 

Għax din ħolma qalila li seħħet

u issa trid tammettiha;

għax mhix vera l-kontaminazzjoni (jekk noqogħdu attenti);

u mhux veru mhemmx min inaddaf warajna

u mhemmx fejn jarmi.

Il-bniedem għamel tant għeġubijiet

se jiddardar b’din-naqra?

 

Is-soluzzjoni ’mpjanti nukleari:

minflok iż-żejt, minflok il-faħam;

minflok ix-xemx, minflok l-irdieden;

minflok id-dlam, il-ksieħ, il-gdiedem:

 

il-ħasda fferoċjata tal-plutonju.

Adrian Grima

In July 2007, French President Nicolas Sarkozy signed a controversial deal to supply oil-rich Libya with nuclear technology “for peaceful purposes”. Controversial, that is, in every Mediterranean country except Malta… a country which could conceivably be wiped out altogether with a single nuclear accident of the Chernobyl variety, but whose government seems entirely unconcerned with its maverick neighbour’s nuclear ambitions.” (Raphael Vassallo, “Anatomy of a controlled press conference,” Malta Today, Sunday, 11 May 2008)


Il-Ħalib tat-Trabi u t-Tibdil fil-Klima

Christine Borg

Il-baqar li jitrabbew għall-produzzjoni tal-ħalib tat-trab spiss jirgħu f’art li tkun ittieħdet għal dan il-għan mill-foresta. Dawn il-baqar jipproduċu ħafna gass magħruf bħala metanu li jwassal għall-effett tas-serra fl-atmosfera tad-dinja.

Biex jinħelbu l-baqar jintużaw il-magni. Imbagħad il-ħalib jitwassal fil-fabbriki permezz ta’ vannijiet jew trakkijiet li jbiddlu l-ħalib tal-baqar fi trab apposta għat-trabi.

Biex tipproduċi flixkun ħalib artifiċjali trid tinqeda b’ħafna fabbriki li jimmanifatturaw il-prodotti meħtieġa; u dawn il-fabbriki jużaw riżorsa bħaż-żejt li hija skarsa u prezzjuża. Għaldaqstant joħolqu problemi ta’ tniġġis u skart fl-ambjent.

Il-fabbriki involuti fil-produzzjoni tal-ħalib tat-trab jimmanifatturaw:

  • il-ħalib tat-trab
  • il-landa li tintuża fil-bottijiet
  • il-bottijiet infushom
  • il-plastik għall-fliexken
  • il-fliexken infushom
  • l-għotjien tal-fliexken
  • il-gażażi tal-fliexken li jixorbu minnhom it-trabi
  • it-tikketti u l-istampar
  • l-għodda biex tisterilizza
  • il-kaxxi tal-kartun u l-lifters u l-pallets għall-ġarr tal-kaxxi

Jintuża aktar petrol u diesel fit-trasport ta’ dawn il-prodotti bejn il-fabbriki differenti u biex il-ħalib tat-trab jasal għand il-konsumaturi permezz tad-distributuri u l-bejjiegħa fil-pajjiżi industrijalizzati u oħrajn fin-naħa t’isfel tad-dinja.

Ladarba l-ħalib jasal għand tal-ħanut, trid tuża r-riżorsi tiegħek ta’ flus, ħin, sforz fiżiku u petrol jew diesel għat-trasport biex tmur tixtrih u tisqi lit-tarbija.

Meta tkun id-dar, l-omm li tisqi lit-tarbija tagħha trid tinvesti l-ħin, l-enerġija tagħha u l-flus biex tlesti l-fliexken: tkejjel, tgħalli l-misħun, tħawwad, taħsel, tisterilizza…

Meta omm timla l-flixkun bil-ħalib tagħha stess tkun qed tevita l-impatt negattiv ħafna tal-produzzjoni tal-ħalib tat-trab fuq l-ambjent. Imma xorta tkun qed tuża l-pompi, il-fliexken jew it-tazzi, il-gażażi, il-kaxxi, il-boroż, il-kontenituri, il-friġis, u riżorsi bħaż-żejt fil-forma ta’ gass u elettriku, flus, ħin u sforz. Minħabba l-ħalib tal-flixkun id-dinja qed tkompli tisħon.

Il-prezz ambjentali għal dan il-flixkun li jsir għat-tarbija jħallsu l-ħolqien kollu kemm hu.

 Meta l-omm tredda’ lit-tarbija tkun qed ixxejjen għal kollox id-distanza bejn il-provvista tal-ħalib frisk ta’ l-omm u d-domanda tat-tarbija. Dan il-proċess ma jħalli ebda impatt negattiv fuq id-dinja, l-atmosfera tagħha, u l-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni.

L-omm tagħti ħalib kemm trid, fejn trid, meta trid.

L-Għażliet li nagħmlu

95% ta’ l-ommijiet m’għandhom ebda xkiel fiżiku jew mentali biex ireddgħu lit-uliedhom. Kull għażla intelliġenti li jagħmlu huma, u li nagħmlu lkoll kemm aħna bħala individwi fejn jidħol il-konsum u l-imġiba tagħna, tħares il-klima tad-dinja.

Il-ħalib ta’ l-omm huwa riżorsa naturali li tirrikjedi relattivament ftit enerġija u ftit li xejn tipproduċi skart. F’termini ta’ flus tista’ tgħid li hija b’xejn u fil-ħin li l-omm tgħaddi tredda’ tkun qed titma’ lit-tarbija. Meta omm tredda’ ’l uliedha tkun qed tinvesti fi klima iktar nadifa għal kulħadd.

Kitba u preżentazzjoni ta’ Christine Borg mill-Malta Breastfeeding Foundation (info@maltabreastfeeding.org).


Reminixxenzi ta’ Tifel fil-High Chair

Qabel ma tasal iz-zunnarija mgħaffġa

 

Kif ħriġt, niftakar, sibt ruħi mqabbad.

 

Proprjament,

qatgħuli l-pajp,

bkejt bikja tajba,

laħalħuni naqra,

u mbagħad qabbduni magħha,

soda u ratba,

id-dinja kollha mdendla fit-tarf tagħha.

L-ISBAĦ u L-AQWA.

 

L-ewwel jiem kont fis-seba’ sema:

Nibki ftit, forsi nixgħer naqra,

u nsibha ma’ wiċċi,

daqqa waħda u daqqa l-oħra,

għax proprjament kienu tnejn, miftehmin –

koppja inseparabbli,

qishom tewmin.

 

Fil-kamra tagħna konna xi tlieta hekk;

l-oħrajn bit-tarf imqabbad ma’ fliexken bil-fjuri,

bl-iljunfanti jew bid-draguni,

fliexken bil-ħolqien ta’ madwarna.

U aħna t-tlieta l-univers KOLLU tagħna.

Bilkemm kellna ċans nissindikaw ’il xulxin

Kien żmien ir-riżq, l-abbundanza.

Kien hemm klima MILL-AQWA.

 

Issa, minkejja li nftamt u mmaturajt,

minkejja li nitħan kulma jgħaddi minn quddiemi,

bqajt qalbi marbuta magħha.

Adrian Grima


Vittmi tal-Klima – Forza ta’ Bidla

Angele Deguara

It-tibdil fil-klima ma jaffettwax lil kulħadd bl-istess mod. Hawn min hu aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi naturali, soċjali u ekonomiċi u għall-isfidi tal-klima bħal ma huma dawk li jgħixu fil-faqar li l-biċċa l-kbira minnhom huma nisa.

Madanakollu, in-nisa fil-pajjiżi tan-Naħa ta’ Fuq tad-dinja wkoll għandhom relazzjoni differenti minn dik li għandhom l-irġiel mal-fenomenu tat-tibdil fil-klima. Per eżempju, meta fi Franza fl-2003 mietu eluf ta’ nies minħabba s-sħana tremenda li għamlet dak is-sajf, kien hemm aktar nisa minn irġiel anzjani li tilfu ħajjithom. Il-vulnerabbiltà tan-nisa għat-theddid tat-tibdil fil-klima tkompli tikber meta nqisu aspetti oħra bħall-età, ir-reġjun li jgħixu fih, il-klassi soċjali, ir-razza u l-etniċità.

Meta jseħħ xi diżastru naturali jew tibdil fl-ambjent jew fit-temp, in-nisa ma jiġux affettwati l-istess bħall-irġiel, mhux biss minħabba l-faqar imma wkoll minħabba r-rwoli tradizzjonali u r-responsabbiltajiet tagħhom fil-familja. Hemm ukoll id-diskriminazzjoni sesswali li ċċaħħad lin-nisa minn aċċess għal riżorsi, informazzjoni, servizzi u poter. Eżempju ta’ dan huwa l-impatt żbilanċjat li kellu t-tsunami li seħħ fl-Asja fl-2004 meta ħafna aktar nisa minn irġiel mietu għal diversi raġunijiet (Oxfam, Briefing Note, Marzu 2005).

F’ħafna pajjiżi n-nisa jinsabu f’komunitajiet li jiddependu minn riżorsi naturali għall-għajxien tagħhom. F’pajjiżi fin-Naħa t’Isfel tad-dinja ħafna nisa huma responsabbli għat-tkabbir ta’ l-ikel, għall-ġarr ta’ l-ilma, għat-tisjir u biex isaħħnu fejn joqogħdu. Għalhekk kundizzjonijiet tat-temp bħal nixfa jew għargħar u nirien u qerda ta’ foresti minħabba t-tibdil tal-klima iħallu fuqhom impatt negattiv ħafna.

F’soċjetajiet tradizzjonali in-nisa għandhom riskji akbar minħabba li ma jitħallewx jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, għandhom anqas edukazzjoni u informazzjoni, u huma anqas preparati għal xi emerġenza; ħafna minnhom ma jsuqux u ma jafux jgħumu u għalhekk huwa ħafna aktar diffiċli għalihom biex jaħarbu minn postijiet milquta minn diżastri naturali. Barra minn hekk in-nisa ħafna drabi jippruvaw isalvaw lil uliedhom l-ewwel minflok jaħarbu, bħalma jagħmlu ħafna rġiel.

Għalkemm in-nisa jintlaqtu aktar mill-irġiel mit-tibdil fil-klima, xorta waħda m’humiex involuti fil-proċess ta’ deċiżjonijiet bħal ma huma l-irġiel. Dan minkejja li r-rwol importanti tan-nisa fl-iżvilupp sostenibbli ġie rikonoxxut fil-Konferenza fuq il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (1994), fid-Dikjarazzjoni ta’ Beijing (1995), fil-laqgħa dinjija dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (2002), u fil-laqgħa dinjija li saret fl-2005. Riċentement l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda sostniet il-ħtieġa tal-parteċipazzjoni tan-nisa f’oqsma u f’livelli differenti ta’ politika ambjentali u ta’ żvilupp. Il-programmi u l-pjanijiet ta’ mitigazzjoni u addattament u dawk li jinvolvu żvilupp ta’ teknoloġija nadifa u finanzjament biex jikkumbattu t-tibdil fil-klima hemm bżonn li jagħtu aktar importanza lill-aspett tal-ġeneru, il-ħtiġijiet partikulari tan-nisa, u jagħtu lok għal aktar parteċipazzjoni min-nisa. Wara kollox huma għandhom ħafna esperjenza fl-użu tar-riżorsi naturali minħabba l-ħidma tagħhom, speċjalment fil-pajjiżi inqas żviluppati. In-nisa m’humiex biss vittmi tat-tibdil fil-klima imma jistgħu wkoll ikunu forza ta’ bidla. Il-potenzjal tas-sess femminili lanqas m’huwa apprezzat fil-pajjiżi żviluppati fejn il-politika u l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija jinsabu l-aktar f’idejn l-irġiel. Jeħtieġ li l-esperjenza u l-potenzjal tan-nisa jintużaw bil-għaqal biex ikollna kwalità ta’ ħajja ahjar mhux biss għan-nisa u l-familji tagħhom imma wkoll għad-dinja.

Angele Deguara tgħallem is-soċjoloġija fil-Junior College ta’ l-Università ta’ Malta. Fl-2002 ippubblikat Life on the Line. A Sociological Investigation of Women Working in a Clothing Factory in Malta (Malta University Press).


AQTA’ FJURA W IBNI KAMRA, JEW IĊ-ĊAJTA TAD-DOLLARU

 

Aqta’ fjura w ibni kamra;

Aqla’ siġra w tella’ dar;

Imxi metru, ibni villa;

Tinkwetax … li sar sar.

 

Mur pass ieħor w ibni torri;

Itla’ fl-għoli, miss is-sħab;

Tinkwetax jekk sħaqt l-għelieqi,

Kulma ħlejt kien naqra trab.

 

Dur mal-kosta, fittex rokna;

Arma boathouse fuq il-blat;

Anki ’l-baħar agħmel tiegħek

U ħallik mill-pixxispad.

 

Tagħtix kas li l-baħar tiela’ –

Itla’ fl-għoli anki int:

Bnejt it-torri, itla’ fuqu,

Ibda gawdi dak li ħdimt.

 

Issa isma’ x’qed jgħidulek:

Ħdejn il-baħar tmurx fit-tul.

Hemm ftit metri ħdejn il-villa,

Li kont minnek nibni pool.

 

U jaqbillek tinsa l-baħar

Għax mid-dehra tah tal-qamar:

Tmurx fix-xemx u tmurx fid-dlam

Għax imtela tilja bram.

 

Aqta’ fjura w ibni kamra.

Jiena nifhem: ’tini widen;

Meta mbagħad tkun lest minn kollox,

Ħu nifs qawwi w mur indifen.

Immanuel Mifsud


It-Tibdil fil-Klima u l-Ġustizzja Globali

Nathalie Grima

F’dawn l-aħħar snin, aktar nies saru konxji tat-tibdil fil-klima u kif qed jaffettwa l-ambjent tad-dinja. Ir-riċerka qed turi li komunitajiet żgħar li jgħixu f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fin-Nofsinhar tad-dinja, għandhom l-inqas “carbon footprints,” jiġifieri jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Madanakollu, huma wkoll l-iktar nies li qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas ta’ sigurtà fil-ħajja, ngħidu aħna fejn tidħol il-provvista ta’ l-ikel u l-aċċess għad-djar, għax jgħixu fil-pajjiżi li l-aktar qed jintlaqtu mit-tibdil fil-klima. Skond l-IFAT (Jum Dinji tal-Kummerċ Ġust 2008), fil-pajjiżi tan-Naħa t’Isfel hemm 1.1 biljun ruħ jgħixu f’faqar assolut. Minbarra li qed jgħixu u jaħdmu f’kundizzjonijiet klimatiċi ħarxa qed ikollhom iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma’ diżastri naturali bħal tempesti, nixfiet u għargħar li jheddulhom ħajjithom u l-ambjent li jgħixu fih. Minħabba t-tibdil fil-klima dawn il-ġrajjiet se jseħħu aktar spiss u b’qilla akbar minn qatt qabel

Eżempju tal-konsegwenzi ta’ dawn it-tibdiliet fil-klima fuq il-fqar rajnieh fit-traġedja umana u ambjentali bla qies li ħalla warajh l-uragan li ħakem lil Myanmar fil-bidu ta’ Mejju ta’ l-2008. Eżempju ieħor huwa dak ta’ komunitajiet indiġeni li kellhom jitilqu minn gżejjer żgħar fil-Paċifiku fejn għexu għal mijiet, jekk mhux eluf ta’ snin, minħabba li l-livell tal-baħar qed jogħla u jipperikolalhom ħajjithom.

Dawn il-komunitajiet fin-Nofsinhar tad-dinja huma wkoll l-aktar nies li qed jintlaqtu ħażin mis-sistema ekonomika globali. Għalkemm dan il-fenomenu qed jaffettwa wkoll reġjuni u pajjiżi oħrajn, fosthom Malta, l-akbar konsegwenzi qed narawhom fil-pajjiżi l-foqra fejn il-fqar qed ikomplu jiftaqru.

Il-Kummerċ Ġust jipprovdi alternattiva sostenibbli lil dawn il-komunitajiet iż-żgħar filwaqt li jħares ukoll l-ambjent, il-patrimonju ta’ kulħadd. Il-prodotti tal-Kummerċ Ġust u dawk li ġejjin mingħand membri ta’ l-IFAT (l-Għaqda Internazzjonali tal-Kummerċ Ġust) joffru garanzija li:

  • Il-ħaddiema jitħallsu prezz ġust u tinħoloq relazzjoni fit-tul bejn min jipproduċi u min jimporta. B’dan il-mod in-nies u l-ambjent mhumiex pupazzi f’idejn il-profitt.
  • Isir użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u materjal bijodegradabbli u fil-produzzjoni ma jkunx hemm ħafna ħela ta’ enerġija u jitnaqqas l-użu taż-żejt.
  • Ix-xogħol isir, kemm jista’ jkun, bl-idejn. Qed tiżdied ukoll il-produzzjoni ta’ l-ikel li tinvolvi biedja organika.
  • B’dan il-mod titqanqal kuxjenza favur l-ambjent, kemm fil-komunitajiet li fihom jgħixu l-ħaddiema, kif ukoll fost il-konsumaturi madwar id-dinja.

Matul dawn l-aħħar 40 sena, il-Kummerċ Ġust irnexxielu joħloq sistema ekonomika sostenibbli li taħdem, anki billi tgħin lill-produtturi fin-Nofsinhar tad-dinja joħolqu suq lokali għall-prodotti tagħhom. Dan iwassal għal stabilità akbar fir-reġjun, għax il-ħaddiema ma jkollhomx għalfejn jemigraw lejn il-bliet jew saħansitra jitilqu minn pajjiżhom.

Il-Koperattiva Kummerċ Ġust tħeġġeġ lill-konsumaturi Maltin biex isiru aktar konxji ta’ l-istil tal-ħajja li qed jgħixu u l-kwalità tal-prodotti li qed jikkonsmaw. Il-Kummerċ Ġust joffri sistema ta’ suq li tagħti prijorità lill-bnedmin u lill-ambjent. Ix-xogħol ħafna drabi jsir b’kollaborazzjoni mill-viċin ma’ gruppi ta’ bdiewa jew artiġjani tal-lokal u jippromwovi ġustizzja soċjali u ambjentali.

Fil-waqt li tappoġġja l-prodotti ġenwini, u speċjalment dawk organiċi, mkabbrin u maħdumin f’Malta, KKĠ tħeġġeġ lill-Maltin biex jagħżlu prodotti tal-Kummerċ Ġust, biex jonqos l-impatt negattiv ta’ dak li nixtru fuq l-ambjent li ngħixu lkoll fih.

Il-Kummerċ Ġust jgħin lil miljuni ta’ nies biex, permezz tal-ħidma onesta tagħhom, joħorġu mill-faqar; meta aħna l-konsumaturi nagħżlu prodott ġust inkunu qegħdin nagħtu sehemna biex l-inġustizzja ambjentali ma tkomplix tikkawża aktar qerda u faqar.

Nathalie Grima hija membru tal-Koperattiva Kummerċ Ġust


TODO RELACIÓN

The close relationship of some indigenous peoples and minorities with their natural environments makes them especially sensitive to the effects of global warming.

Rachel Baird, “Climate Change and Minorities,” State of the World’s Minorities 2008.  Events of 2007. ed. Ishbel Matheson

 

I

Meta mbagħad ġiet ix-xita

ma riedet tehda b’xejn.

La bis-skiet, la bil-qalb, la bl-ilfiq.

U stennejna l-għadira tifrex dirgħajha twal,

tibla’ x-xtut u r-raba’,

in-nhar.

 

U kaxkru kollox magħhom l-ilmijiet:

iż-żerriegħa li ċċelebrajna,

il-patata, il-quinoa, l-istaġun.

Fittixna fiex inqasna,

kellimna ’l Pachamama,

is-sema, it-Titicaca,

il-mejtin tagħna;

staqsejna kif ksirna l-patt minn awl id-dinja

li jgħaqqadna.

 

Imbagħad stennejna x-xita tehda,

il-lago vivo jerġa’ lura mill-widien u r-raba’.

Min kiser l-għaqda sewwa l-ħsara.

U aħna nġbarna fl-għelieqi biex nitolbu maħfra.

Todo es rito,

todo es armonía,

mas-sema,

mal-bhejjem,

ma’ Pachamama,

bejnietna, f’qalbna – sa taqliba oħra.

 

II

Imma għada jum ġdid;

is-sena d-dieħla, sena ġdida.

Puno mhix beżżiegħa.

“La Pachamana nos alimenta.”

 

Sakemm wara n-nixfa terġa’ tiġi x-xita.

Adrian Grima

F’Ġunju 2008 María Julia Ardito OP rrakkontatli l-bidliet fil-klima, l-extremos, f’Ilave, fid-dipartiment ta’ Puno, il-Perù, fejn l-indiġeni tal-ġens Aymara jemmnu fl-armonija bejn il-ħlejjaq kollha u l-ħolqien, u li l-ksur ta’ din l-armonija, bħal fil-każ tat-tibdil fil-klima, huwa riżultat ta’ l-imġiba ħażina tal-bnedmin fuq livell individwali. Din l-armonija terġa’ lura biss jekk isir il-ħaqq ma’ dawk li jkunu żbaljaw u mal-vittmi tagħhom. L-Aymara huma wkoll ġens li jiġġieled bla heda għad-drittijiet tiegħu u s-soċjetà ċivili hija żviluppata ħafna.


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s