M’aħniex Se Nbaxxu Rasna

Poeżija ta’ Adrian Grima (Lulju 2017, Pembroke, Malta)
Mużika: “Abstract Glitch Downtempo” ta’ lifeplanetearth (Envato Market)
Rikording u muntaġġ ta’ Samuel Attard

 

M’aħniex Se Nbaxxu Rasna

Suppost inbaxxu rasna, nibqgħu siekta,

Nikkuntentaw bil-loqom tal-futur.

Nintefgħu f’ġenb biex jiġru fostna l-gafef,

inwarrbu biex inħallu r-rota ddur.

Suppost inxammru l-kmiem, immiddu jdejna,

Kull roqgħa xagħri u blat, kull ftit ħamrija,

naraw kif se nħaffruha, kif nibnuha,

nisquha l-juice tal-konkos bħal tarbija.

Suppost noħolmu kbir bil-bini għoli

Biex bħall-allat immissu d-dawl tas-sema.

Imbagħad mill-isqaqien, qalb trab u skużi,

Inlaqqtu d-dlam u l-ġenn li jkun inġema’.

Imm’aħna mhux biħsiebna nbaxxu rasna.

Lil ħalqna m’għandna ebda ħsieb nagħlquh.

Għax l-art, id-dawl, għax l-arja ġid komuni,

tal-ħlejjaq kollha b’nifs u b’qalb u b’ruħ.

M’aħniex se nobżqu fl-arja għal ġo f’wiċċna

nagħmluha tal-allat tas-sema u l-art.

M’aħniex se nilbsu l-għamad, ngħaddu gaffa,

u nwellu lil uliedna trab u mard.

Xammarna l-kmiem għax għandna ħolma ċkejkna

li kull maħluq, sal-inqas ħlejqa msejkna,

jistħoqqlu jgawdi l-ward li jfuħ f’ħajjitna,

jistħoqqlu l-art u d-dawl u n-nifs li writna.

Adrian Grima

Pembroke | 19.7.17


 

Advertisements