Bil-Malti

DSC_4528

Adrian Grima (ritratt meħud minn Virginia Monteforte 2015)

 

Adrian Grima huwa awtur u akkademiku li jgħallem il-letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta. Jista’ jkun li l-passjoni tiegħu għall-Mediterran għandha l-għeruq tagħha fil-fatt li l-bużnannu min-naħa ta’ missieru kien Malti mwieled Korfù li mar jgħix Malta fl-aħħar tas-seklu 19 u dar id-dinja bħala baħħar fuq il-bastimenti tal-Flotta Navali Ingliża.

Kiteb għadd ta’ kotba ta’ letteratura (poeżija u novelli) u ta’ xeħta akkademika. Ħa sehem f’konferenzi u f’festivals tal-letteratura f’diversi pajjiżi fil-Mediterran, l-Ewropa, l-Amerika, l-Asja, l-Awstralja, u l-Karibew.

Adrian Grima ppubblika erba’ kotba tal-poeżija għall-kbar bil-Malti, It-Trumbettier (1999), Rakkmu (Klabb Kotba Maltin 2006), Riħ min-Nofsinhar, ma’ Immanuel Mifsud (Edizzjoni Skarta 2008), u Xufftejk Spjegati/Deciphered Lips (Verbal Arts Centre, Derry, Northern Ireland, 2013), li wħud minnhom rebħu premjijiet f’Malta u barra minn Malta. Kiteb ukoll żewġ kotba għall-adolexxenti, Din Mhix Logħba u Vleġġa Kkargata, bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana (Klabb Kotba Maltin 2012), u kotba u artikli speċjalizzati dwar il-letteratura u l-kultura li xxandru f’Malta u barra minn Malta. Il-poeżiji tiegħu nqalbu f’diversi lingwi u ħarġu ġabriet tal-poeżiji tiegħu tradotti għall-Franċiż, Ici arrivent les mouettes (trad. ta’ Elizabeth Grech, Fondation de Malte 2012), għat-Taljan, La coda della freccia (ed. Costanza Ferrini, Lushir, 2011), għall-Ġermaniż, Adrian Grima (Hochroth, 2010), u għall-Ingliż, The Tragedy of the Elephant (Midsea Books, Inizjamed, 2005).

L-iktar pubblikazzjoni reċenti ta’ Adrian Grima hija l-ktieb ta’ poeżiji Klin u Kapriċċi Oħra (KKM 2015). Dan il-ktieb inqaleb għall-Ingliż minn Albert Gatt u se jiġi ppubblikat minn Midsea Books fl-2016 bit-titlu Last-ditch Ecstasy. Ġabra ta’ poeżija ta’ Adrian Grima se tiġi ppubblikata Amman, il-Ġordan, bl-għajnuna tal-Malta Arts Fund. L-editur u t-traduttur huwa Walid Nabhan.

Adrian Grima huwa l-koordinatur tal-organizzazzjoni kulturali Mediterranja Inizjamed li waqqaf flimkien ma’ oħrajn fl-1998, u li tieħu ħsieb il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta li jsir kull sena.