Jitnieda l-programm tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020

F’Marzu li ġej se nieħu sehem f’zewġ sessjonijiet tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020.

Il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu fil-5.00pm se nitkellem f’diskussjoni dwar il-letteratura u l-mużika ta’ protesta fi żminijiet ta’ twegħir politiku mmexxija minn Jean Paul Borg. Il-kelliema se jkunu Immanuel Mifsud, Antoine Cassar, Adrian Grima, Wayne Flask, Nadia Mifsud, Mario Vella, Alex Vella Gregory, u Noah Fabri. Wara, għall-ħabta tas-6.45pm, il-parteċipanti se jieħdu sehem f’Palk Ħieles dwar l-istess tema.

78701068_982821312095507_8800501952166232064_n
Immanuel Mifsud qed jaqra l-messaġġ tiegħu waqt il-konferenza stampa għal Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta, is-Sibt 30 ta’ Novembru 2019, ħdejn il-monument ta’ Manwel Dimech, fi Pjazza Kastilja

L-Erbgħa 25 ta’ Marzu fis-1.00pm se mmexxi diskussjoni bl-Ingliż dwar “Il-Letteratura Maltija…bl-Ingliż” li fihom se jitkellmu l-Prof. Ivan Callus, Prof. Clare Vassallo u Dr Norbert Bugeja. Tnejn mill-mistoqsijiet li se nistaqsu huma dawn: Għaliex kittieba Maltin xi drabi jiktbu bl-Ingliż? Għaliex għandhom il-kotba Maltin jiġu tradotti għall-Ingliż?


Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir iħabbar il-programm tal-attivitajiet kulturali li se jsiru waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020. Bħalma jiġri dejjem il-Festival isir fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta, dis-sena l-Erbgħa 25, il-Ħamis 26 u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu. L-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sal-4pm u l-Ġimgħa mid-9am sa filgħaxija.

L-għan tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus hu li jippromwovi l-letteratura ma’ udjenzi differenti, bħalma huma l-istudenti postsekondarji u terzjarji, u fl-istess ħin joffri spazju lill-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba lokali biex ibigħu u jmexxu l-kotba tagħhom. L-eżebituri għal din l-edizzjoni huma  BDL, Merlin Publishers, Midsea Books/Klabb Kotba Maltin, Horizons, EDE Books, SKS, Faraxa Publishing, Pjattaforma u Infinity Books, li se jkollhom il-kotba għall-bejgħ.

Fost l-attivitajiet ippjanati wieħed jista’ jsib qari minn kotba, intervisti mal-awturi, skrinjar ta’ films letterarji, diskussjonijiet u attivitajiet oħra bħal mawriet iggwidati mal-Librerija tal-Università, mużika live u numru ta’ kollaborazzjonijiet oħra mal-għaqdiet studenteski Għaqda tal-Malti – Università u DESA.

Il-mistieden speċjali għal dis-sena hu l-poeta u kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi Amerikan Mark Doty. L-Erbgħa 25 ta’ Marzu fit-3pm Doty se jkun parti minn panel li se jiddiskuti l-letteratura queer flimkien mad-drammaturgu Tyrone Grima u Marthese Formosa, li hija l-manager tal-proġett ‘Kitba Queer’. Il-Ħamis 26 ta’ Marzu f’nofsinhar Doty jipparteċipa f’sessjoni ta’ klabb tal-kotba ma’ studenti Universitarji, liema sessjoni se titmexxa minn Dr. Mario Aquilina u se tiffoka fuq il-memoir ta’ Doty Firebird (HarperCollins, 1999). Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu fit-3pm ikun intervistat dwar ix-xogħlijiet letterarji u mhux letterarji mill-Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università, Prof. James Corby. Finalment Doty jingħaqad biex jaqra waqt il-Palk Ħieles li jsir fl-aħħar tal-Festival, u li dis-sena se jkun iċċentrat fuq il-letteratura u l-mużika ta’ protesta. Il-Palk Ħieles ikun organizzat ma’ Inizjamed. Mark Doty kien l-ewwel Amerikan rebbieħ tal-Premju T.S. Eliot fir-Renju Unit, li rebħu fl-1995, u fl-2008 rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-Istati Uniti għall-ktieb Fire to Fire: new and selected poems (HarperCollins, 2008). Huwa l-awtur ta’ bosta kotba tal-poeżija, fosthom Bethlehem in Broad Daylight (D.R. Godine, 1991), A Swarm, A Flock, A Host: A Compendium of Creatures (Prestel, 2013), u Deep Lane (W.W. Norton, 2015) u memoirs u kotba mhux fittizji oħra, ngħidu aħna Firebird (HarperCollins, 1999), Still Life with Oysters and Lemon: On Objects and Intimacy (Beacon Press, 2000) u Dog Years (HarperCollins, 2007). Doty ta’ spiss tqabbel ma’ James Merrill, Walt Whitman u C.P. Cavafy minħabba l-vers intelliġenti u eleganti tiegħu.

F’ħidma mad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar se jkun hawn ukoll it-teorista u skular tal-letteratura komparattiva Prof. Susan Bassnett, li se tkun intervistata minn Prof. Clare Vassallo. Prof. Bassnett hija l-awtriċi ta’ aktar minn għoxrin ktieb, fosthom Translation Studies li deher l-ewwel darba fl-1980 u għadu jiġi pprintjat sal-lum biex sar ktieb ta’ importanza internazzjonali f’din l-għalqa. Il-ktieb tagħha Comparative Literature (1993) ukoll kiseb fama internazzjonali u nqaleb f’diversi lingwi. L-aktar kotba riċenti tagħha huma Political Discourse, Media and Translation (2010), koeditjat ma’ Cristina Schaeffner, u Reflections on Translation (2011). Barra r-riċerka akkademika u l-kontribuzzjonijiet f’ġurnali varji Bassnett tikteb ukoll il-poeżija.

Il-programm li se jittella’ waqt il-Festival jinkludi wkoll attivitajiet organizzati minn dipartimenti Universitarji u pubblikaturi li se jipparteċipaw bħala eżebituri. Fosthom hemm il-preżentazzjoni tal-ktieb rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, Fortress Colony. The Final Act 1945-1964 (Midsea) ta’ Prof. Joseph M. Pirotta; l-aktar ktieb riċenti ta’ Prof. Charles Briffa dwar Mario Azzopardi, ippubblikat minn Horizons; u t-tnedija uffiċjali tad-dramm ta’ Kevin Saliba Bil-Bieb Mitbuq, traduzzjoni tax-xogħol ta’ Jean-Paul Sartre, Huis Clos. Infinity Books organizza lekċer ma’ Fr Marius Zerafa dwar is-serq, is-sejba u r-restawr ta’ San Ġlormu Jikteb ta’ Caravaggio.

Il-Ġimgħa 26 ta’ Marzu fil-5pm Jean Paul Borg jimmodera diskussjoni dwar il-letteratura u l-mużika ta’ protesta fi żminijiet ta’ twegħir politiku, b’referenza għall-aktar kontribuzzjonijiet riċenti ta’ kittieba u artisti lokali li se jkunu hemmhekk jiddiskutu: Immanuel Mifsud, Antoine Cassar, Adrian Grima, Wayne Flask, Nadia Mifsud, Mario Vella, Alex Vella Gregory u Noah Fabri. Wara, il-parteċipanti jingħaqdu magħna għall-Palk Ħieles dwar l-istess tema, għall-ħabta tas-6.45pm.

Għal min tinteressah il-lingwa mhux ta’ min jitlef l-attività tal-Erbgħa fis-1pm: ‘Iħalluna naqraw dak li jridu biss?’, diskussjoni dwar il-kotba favoriti tal-qarrejja, listi tal-qari, premji tal-kotba, reċensjonijiet u l-booktube u kif dawn qed jaffettwaw l-għażliet tal-qarrejja, il-kittieba u l-pubblikaturi; u ‘Il-Letteratura Maltija…bl-Ingliż’ ma’ Prof. Ivan Callus, Prof. Clare Vassallo u Dr Norbert Bugeja, diskussjoni moderata minn Prof. Adrian Grima. Il-Ħamis fis-2pm Mark Camilleri, Dr Krista Bonello Rutter Giappone u Chris Gruppetta se jitkellmu dwar il-finzjoni skont il-ġeneru f’kuntrast mal-finzjoni usa’/aktar letterarja f’Malta, b’enfasi fuq ir-rumanzi tad-detective u l-misteru.

Mhux ta’ min jitlef ukoll diskussjonijiet dwar il-limiti tal-adattament letterarju ma’ Francica Pulis, Prof. Saviour Catania, Rebecca Anastasi u Kenneth Scicluna; l-etnografija ma’ Dr. Steve Borg, Michael Pio Deguara u Michael Spiteri; l-antropoloġija u l-istorja tal-mara ma’ Dr. Veronica Veen; u t-tiġdid tat-teatru Malti ma’ Dr Marco Galea, Sean Buhagiar, Simone Spiteri u Stephanie Bonnici. Il-Ġimgħa jkun hemm diskussjoni dwar jekk il-prostituzzjoni ssaħħaħx lill-mara jew le ma’ Dr. Christine Muscat, Dr. Emanuel Buttigieg u Dr. Andrea Dibben, u aktar tard nitkellmu dwar il-politiki identitarji, kif dawn jaffettwaw il-parteċipazzjoni tal-minoritajiet f’Malta u jekk din it-tip ta’ politika jinstabux traċċi tagħha fil-kuntest Malti fejn il-minoritajiet mhumiex rappreżentati. Jipparteċipaw fid-diskussjoni Ranier Fsadni, Ahmed Zanya Bugri u Andrè Callus.

Min tinteressah il-filosofija hemm żewġ attivitajiet għalih. Il-Ġimgħa f’nofsinhar id-Dipartiment tal-Filosofija se jtella’ taħdita moderata minn Dr. Jean-Paul De Lucca dwar il-varji stejjer u ilħna li jsawru l-Istorja tal-Filosofija, 50 sena mill-mewt tal-awtur tal-ktieb influwenti A History of Western Philosophy (1945), Bertrand Russell. Fit-3pm imbagħad Francois Zammit jiddiskuti ma’ Enrico Panai dwar kif tapplika l-filosofija biex tindirizza l-isfidi kurrenti. Panai huwa Speċjalist tal-Interazzjoni Umana tal-Informazzjoni u l-awtur ta’ Skip! The Art of Avoiding Projects.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, imtella’ bi sħab mal-Għaqda tal-Malti – Università u DESA, huwa b’xejn u kull diskussjoni, preżentazzjoni, intervista, tnedija u preżentazzjoni ta’ ktieb huma mmirati għal studenti, akkademiċi u l-membri tal-pubbliku. Għal aktar informazzjoni żuru s-sit tal-FB tagħna jew is-sit uffiċjali (www.ktieb.org.mt). Tista’ tniżżel il-programm f’pdf minn hawn.

Il-ħinijiet tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: l-Erbgħa 25 u l-Ħamis 26 mid-9am sal-4pm u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu mid-9am sa filgħaxija.

Tiddejqux tiktbu lil Matthew Borg (matthew.borg@ktieb.org.mt mill-KNK, lil Romario Sciberras ghaqdatalmalti@gmail.com mill-Għaqda tal-Malti – Università, lil Matthew Cilia desa.uom@gmail.com mid-DESA għal aktar informazzjoni.

Tislijiet,

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s