Il-Pupazzier il-Kbir ta’ Alfred Buttigieg

Id-dramm il-ġdid ta’ Alfred Buttigieg, L-Interrogazzjoni, b’direzzjoni ta’ Lee-N Abela u produzzjoni ta’ Teatru Malta, huwa xogħol ġenjali.

Huwa r-reċta f’reċta dwar in-narrattivi li jipprova jbellgħalna min għandu s-saħħa. Sa ċertu punt jirnexxilu, għax id-demm jinħasel u l-ġilda terġa’ tibda tfuħ. Imma nibqgħu nxommu r-riħa. U dik ebda alla ma jista’ jneħħiha.

Buttigieg jirrakkonta l-istorja, naturalment kollox frott l-immaġinazzjoni fertili tiegħu, ta’ qtil doppju li jseħħ u li jitgħatta minn missier sinjur li jixtri lil kulħadd biex ħadd ma jinvestiga l-każ u kollox imut fuq ommu.

Bintu Martina, parti maħduma minn Clare Agius, kienet fis-sodda ma’ żewġha meta nqatel, u issa għandha relazzjoni ta’ mħabba ma’ Stephanie, parti maħduma minn Angele Galea. Fid-dramm, iż-żewġ karattri jagħmlu rikostruzzjoni (surreali? narċissistika? fetixista?) tal-qtil permezz ta’ interrogazzjoni polizjeska taparsi. Waħda min-nisa taf l-istorja kollha imma ma tridx tikxifha; l-oħra ma tafx x’ġara, trid tkun taf, u taf li se tibqa’ b’xiber imnieħer. Daqqa Martina taħdem il-parti ta’ Martina u Stephanie taħdem il-parti tas-supretendent; u daqqa, kultant għal għarrieda, jaqilbu l-partijiet.

Hemm ħafna spazji interrogattivi f’dawn ir-rikostruzzjonijiet ta’ omiċidju doppju u fil-logħba amoruża li qed jilagħbu ż-żewġ karattri. Hemm l-imħabba, hemm il-passat, hemm il-fiduċja, hemm ir-reċta li tieħu post il-qtil, u r-reċta li tieħu post ir-relazzjoni…

82853324_770402000119561_5010201422344486912_n
Clare Agius u Sean Buhagiar ta’ Teatru Malta

Waħda mill-aktar għażliet ġenjali ta’ Buttigieg, apparti l-bdil kontinwu tal-partijiet u d-dinamika dejjem ġdida li jġib, hija l-assenza tal-pupazzier il-kbir. Hemm ħjiel tal-manipulazzjoni tiegħu fil-karattru ta’ bintu. Imma hu ma jidhirx. Jissemma l-ħin kollu, imma ma jidhirx. Tant hu kbir il-pupazzier li ma jistax joqgħod fit-teatru ċkejken tal-pupi. Jew forsi l-istorja tal-ħiliet manipulattivi tiegħu hija reċta wkoll, u l-pupazziera l-kbira tinsab fil-kamra ma’ ħabibitha, daqqa liebsa tal-vittma, u daqqa tas-supretendent li trid tiġbed l-ispaga. Imma l-ispaga dejjem maħlula.

Grazzi lill-attriċi bravi u lid-direttriċi intraprendenti, u grazzi lid-drammaturgu li tana dramm li kultant fakkarna fil-mistoqsijiet il-kbar li aħna qatt ma nistgħu nwieġbu. Għax fit-teatru, xogħol il-pupi huwa biss li jaħdmu l-parti.

Għandi t-tentazzjoni li nipprova nagħlaq iċ-ċirku li jiftaħ id-dramm billi ngħid li l-pupazzier il-kbir, dak li jfassal ir-reċta, huwa d-drammaturgu nnifsu, dak li jikkontrollaha. Imma din tkun interpretazzjoni faċli wisq. U sa ċertu punt diżonesta. Għax id-drammaturgu qed jipprova jfakkarna li hemm min jiġbed l-ispaga u hemm min jinġibed. Kulma qed jagħmel id-drammaturgu, bħalma jagħmlu l-karattri tiegħu, huwa li jixgħel il-kamera u jirrekordja r-reċta. Mhux hu se jimsaħ id-demm. Mhux hu se jċempel lill-pulizija, wara t-tindifa. Id-drammaturgu qed ifakkarna biss fir-riħa karga tad-demm fi mnifsejna.

Alfred Buttigieg
Alfred Buttigieg

Ara din l-intervista ta’ Teodor Reljic ma’ Alfred Buttigieg: https://www.maltatoday.com.mt/arts/theatre_and_dance/100288/space_and_actors_audience_alfred_buttigieg_interrogazzjoni#.XkJZ5Bdw2SQ

Ara wkoll dawn l-intervista ta’ Ramona Depares ma’ Alfred Buttigieg, u materjal ieħor: https://www.ramonadepares.com/alfred-buttigieg-teatru-malta/


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s