Wara t-Tradiment

Meta ktibt dan l-artiklu nsejt ninkludi dan il-punt li kont ktibt fuq il-mobile. Dan il-paragrafu jrid jidħol wara “jilbes l-għamad.”

Hemm min jgħid, b’disprezz, u forsi bi ftit għira, li lil Daphne Caruana Galizia “għamluha qaddisa,” li s-segwaċi tagħha ħolqu kult, stampaw is-santi, u qed jorganizzaw il-pellegrinaġġi. Imma kienu l-qattiela tagħha li għamluha qaddisa, dawk li ħarġu l-flus u kitbu l-kundanna. Il-qaddisin dejjem isiru wara. U l-qaddisin għandna bżonnhom aħna li bqajna.

Is-Sibt 4 ta’ Jannar 2020


Adrian Grima

For an abridged version of this essay in English, scroll to the bottom of this page.

Il-kxif, biċċa biċċa, tal-kumplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, qanqal diqa profonda u sens kbir ta’ diżorjentament. Aħna u niskopru x-xibka ta’ kriminalità u kompliċità qattiela qisna qed naqilgħu garża minn ferita miftuħa li għadha ħamra demm. Ferita fil-qiegħ nett tal-kuxjenza tagħna bħala bnedmin u bħala Maltin.

78411949_565370914248570_2841369836968214528_n - ag.jpg
Konferenza Stampa: Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta. Ritratt ta’ Lara Calleja

Ir-Rabja mhix Kapriċċ

Dan it-thriller politiku traġiku u umiljanti li qed insegwu fakkarni fir-rumanzi tal-Mafia ta’ Leonardo Sciascia u f’novella twila u bla ħniena ta’ Frans Sammut tal-1979 li donnha mdakkra mill-istil narrattiv kiesaħ u biered ta’ Sciascia. Lejn l-aħħar tal-istorja, “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Ħorr,” f’sentenza twila u kollha intriċċi, id-Deputat N ifakkar lilu nnifsu li l-Imgħallem L

kien tista’ tgħid il-bniedem li qabbdu l-karriera politika, ħallaslu dejjem l-ispejjeż tal-kampanja elettorali, kien imsieħeb miegħu fin-negozju ta’ qatgħa art ġmielha (minnu li l-permessi ġabhom hu, imma L ħareġ il-biċċa l-kbira tal-flus u jmexxilu sehmu sew), għamillu parrinu tat-tifel (ħaġa ta’ siwi żgħir ħlief għall-fatt li kulħadd żied intebaħ bil-ħbiberija kbira ta’ bejniethom) u kien dieħel u ħiereġ għandu daqs li kien ta’ ġewwa. L-Imgħallem L kellu raġun: jiġi fl-inkwiet L, jiġi fl-inkwiet N ukoll. U l-Buda? Dak mhux importanti wisq. Billi kien galoppin tiegħu u galoppin gwapp ħadd ma kien se jsieħbu ma’ kull għemil li jagħmel dak l-imħawwad.[i]

Il-każ tal-qtil tal-Ħorfi mill-Buda, ikkummissjonat tista’ tgħid mill-Imgħallem L, jibqa’ ma jissolviex minkejja li l-pulizija tkun waslet biex issolvih għax id-Deputat N jimxi fuq il-parir tas-sieħeb u benefattur tiegħu u jixtri lill-ispettur Grima. L-ispettur jirriżenja mill-Korp u jilqa’ “l-offerta attraenti ta’ xogħol ġdid b’salarju għoli minn wieħed mill-eqdem u l-isħaħ stabbilimenti ta’ Malta.”

Kull qtil li jolqot lill-komunità li ngħixu fiha, bħal dak ta’ Lassana Cisse Souleymane fit-triq bejn Ħal Far u Birżebbuġa f’April ta’ din is-sena, huwa lama li taqta’ fil-laħam il-ħaj tal-kuxjenza individwali u nazzjonali tagħna. Issa nafu li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia nħema bil-kompliċità jew saħansitra bil-ħila ta’ nies li pajjiżna fdahom bit-treġija tiegħu. Kieku dan kien rumanz jew novella almenu kien ikollu bidu u tmiem. Forsi mhux għeluq. Imma tmiem. Minn dak li seħħ fl-istorja ta’ pajjizna minn Diċembru tal-1977 meta nqatlet Karin Grech, ’l hawn, nafu li dan il-qtil u l-mod kif seħħ għad irid ikidd lilna u lil ta’ warajna għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Għax ilkoll kemm aħna konna xhieda u, f’dan is-sens, kellna sehem fih.

Għadna ma nafux x’ġara eżattament. Forsi qatt m’aħna se nkunu nafu kollox. Imma nafu żgur li minħabba dan l-att faħxi, il-Prim Ministru u nies qrib tiegħu fit-tmexxija tal-pajjiż, sentejn wara l-qtil, irreżenjaw jew tneħħew mill-kariga tagħhom. Kemm irridu nkunu nafu iktar minn hekk biex nibdew, ilkoll kemm aħna, hu x’inhu l-kredu politiku partiġjan tagħna, nirrabjaw?

Ir-rabja mhix kapriċċ, għax iġġegħelna nirreaġixxu. Kontra reality show ta’ falliment morali bla qiegħ. Kontra individwi li diġà nafu isimhom u oħrajn li għad irridu nsiru nafuh. U mar-rabja l-umiljazzjoni. L-umiljazzjoni nazzjonali. Għax minn dan il-ħmieġ kollu li sibna ruħna mgħaddsin fih, irridu naraw kif se nissaffew. U naħseb li qabel nibdew nistħu, qabel naċċettaw din l-umiljazzjoni kollettiva, m’aħniex se nibdew nitnaddfu u nnaddfu.

Nafu x’jiġifieri diqa nazzjonali. F’pajjiżna nqatlet tfajla ta’ 13-il sena li marret biex tiftaħ il-posta fi żmien il-Milied. Inqatel ġuvni ta’ 26 li nzerta wara bieb ta’ każin. Dawn huma vittmi ta’ inġustizzja doppja, għax ġustizzja baqgħet ma saritx. Umiljazzjoni nazzjonali doppja. Kif erġajna sibna ruħna hawnhekk, f’dan il-ħmieġ kollu?

Il-qtil li jinħema fil-kmamar li fihom il-prepotenza tan-negozju l-kbir titħabbeb mal-arroganza tal-poter politiku huwa qtil li joqtol, oxxenità wara l-oħra, kull fiduċja li jista’ jkollna fil-mexxejja tagħna. Joqtol kull fiduċja li jista’ jkollna fis-sistemi li l-mexxejja tagħna joħolqu biex jirregolaw il-poter tagħhom u l-għajxien tagħna flimkien. U l-ħarsien sagrosant tal-ġid komuni. Wara din it-traġedja umana u kollettiva jista’ jkollna traġedja oħra: it-telfien għalkollox u għal dejjem tal-fiduċja tagħna fil-liġijiet tal-politika u tan-negozju. Nistgħu nwarrbu dan il-periklu kbir billi l-istituzzjonijiet tal-ħaqq jagħmlu xogħolhom u l-inkjesta pubblika tikxef, anki permezz tax-xhieda tal-familja,[ii] dak kollu li għandu jinkixef. U nuru li d-demokrazija tagħna marida, imma mhix mejta. Nuru li d-demokrazija tagħna tant għadha ħajja li kapaċi tirpilja u tkompli tissielet kontra l-mard insidjuż li jista’ jherriha għalkollox. Minn ġewwa.

78606639_816754385429493_6086416821089468416_n.jpg
Konferenza Stampa: Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta. Ritratt ta’ Lara Calleja

Falliment Morali Nazzjonali

Kien hemm mument, ħafna snin ilu, meta qtajtha li ma nibqax naqra l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-kontenut u t-ton ta’ ċerti kitbiet tagħha tant ma stajtx inġerragħhom li rrifjutajt li nerġa’ naqra mqar kelma waħda minn dak li kienet tikteb. Anki meta bdiet tikxef ħwejjeġ li qalbi ħebritni li kienu veri, bqajt nirrifjuta li naqra l-blog u l-artikli tagħha.

Raisa Galea kitbet artiklu oġġettiv u onest dwar il-fehmiet konservattivi ta’ Daphne Caruana Galizia li aktarx ma kkuntenta lil ħadd mis-segwaċi l-aktar determinati u l-avversarji l-aktar akkaniti tagħha.[iii] Imma kif qal Karl Schembri fl-analiżi inċiżiva tiegħu,[iv] wara l-assassinju tagħha, ordnah min ordnah, wettqu min wettqu, in-nuqqas ta’ qbil magħha fuq il-kontenut u t-ton ta’ ċerti kitbiet sar kollu irrelevanti. Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba l-verità li kixfet. Fix-xhieda tagħha fl-Inkjesta Pubblika, Helene Asciak qalet li żebilħu u qatlu lil oħtha minħabba li kixfet il-korruzzjoni “at the highest levels of government.”[v]

Wara l-qtil, l-unika ħaġa verament relevanti kienet il-qtil ta’ bniedma tad-demm u l-laħam. Il-qtil ta’ bint, ta’ oħt, ta’ mart raġel, ta’ omm tliet ulied. Konna nafu mill-bidu nett li min qatagħha li joqtol lil Daphne Caruana Galizia ried jagħmel hekk minħabba dak li kitbet. Minħabba dak li kixfet. Jew dak li kienet se tikxef. Dan kien ċar kristall daqs il-lama tleqq tal-verità. Ċar għal kull min ma riedx jilbes l-għamad.

Il-ħasda l-kbira kienet li l-qtil ġie kkummissjonat minn “gvern parallel.” Din mhix frażi tiegħi. Qed nissellifha mingħand ħaddieħor u napplikaha f’dan il-kuntest ġdid, fid-dawl ta’ dak kollu li qed jinkixef. Meta fl-2016 Daphne Caruana Galizia kitbet dwar il-kontijiet sigrieti tal-Panama u s-sehem fihom ta’ figuri ewlenin tal-poter politiku f’Malta, il-ministru Evarist Bartolo kien tkellem fuq gvern parallel, “gvern wara l-kwinti iżjed b’saħħtu minn dak li jidher fuq il-palk.”[vi] Illum, b’dak kollu li qed insiru nafu jaqbdek il-bard taqrahom dawn l-affarijiet. Għax il-proġett tal-gvern parallel jinħeba fl-ombra ta’ dak li l-poplu ħieles, sovran, ivvota għalih. Ħafna minna konna nafu li kienu qed jittieħdu deċiżjonijiet kontra l-ġid komuni, konna nafu li kien hemm interessi differenti ħafna minn dawk iddikjarati mill-Prim Ministru. Ħafna minna tkellimna. Imma l-fatt li tkellimna, almenu għalija, ma jikkanċellax il-weġgħa ta’ din l-umiljazzjoni nazzjonali.

Qed nitkellmu fuq il-proġett ta’ gvern parallel fid-dell tal-gvern elett, imma nafu li fih hemm is-sehem ta’ parti mill-gvern elett demokratikament bl-akbar maġġoranza li qatt rat Malta indipendenti. Dan jagħmilna lkoll kompliċi? Il-ħtija hija tagħna lkoll? Din mhix mistoqsija li għandna l-lussu li ma nistaqsux. Mhix mistoqsija li nistgħu ma nweġbux.

Fl-1941, fl-eqqel tat-tieni gwerra dinjija, George Orwell, awtur xellugi li nħobb ħafna fost l-oħrajn minħabba l-ħila analitika u l-onestà tiegħu, kiteb artiklu dwar il-Faxxiżmu u d-demokrazija.[vii]Nearly the whole cultural and intellectual life of the community – newspapers, books, education, films, radio – is controlled by monied men who have the strongest motive to prevent the spread of certain ideas. The citizen of a democratic country is ‘conditioned,’ from birth onwards,” kiteb Orwell, “less rigidly but not much less effectively than he would be in a totalitarian state.” L-argument ta’ Orwell mhuwiex kontra d-demokrazija. Bil-maqlub. Il-punt tiegħu hu li jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nħallu d-demokrazija tagħna ssir paraventu għat-tmexxija awtokratika tal-ftit. Bil-kompliċità, konxja u inkonxja, tal-ħafna. Demokrazija falza. Anki jekk inkunu beriknieha bil-vot qaddis tagħna.

Kif intqal waqt il-konferenza stampa organizzata mill-Moviment Graffitti li sejħet għal “Politika Nadifa. Soċjetà Ġusta,” filwaqt li ninsistu li ssir ġustizzja fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mal-familja tagħha u maċ-ċittadini kollha ta’ rieda tajba, irridu ninsistu wkoll li tinkixef il-kultura ta’ korruzzjoni, ta’ kompliċità bejn l-interessi l-kbar tan-negozju u l-politiċi. “Il-klassi tan-negozjanti kisbet poter bla preċedent fuq il-politika, b’effetti li jinħassu fuq il-poplu b’mod dirett.” Il-kultura ta’ korruzzjoni fil-qalba tat-treġija tal-gvern parallel irridu niġġildulha bħalma niġġieldu kontra kull kriminalità oħra. Anki jekk tidher li qed tħalli l-frak jaqa’ minn fuq il-mejda tas-sinjuruni biex jiġbruh iż-żgħar. Din hija kwistjoni ta’ ġustizzja imma hija wkoll kwistjoni ta’ demokrazija.

Minbarra li nesiġu li ssir ġustizzja fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, irridu nistaqsu lilna nfusha dwar l-ambjent politiku li fih inħema dan il-qtil. In-negozjanti l-kbar iridu jinżammu ’l bogħod minn dawk li jokkupaw karigi pubbliċi. Ma jistax ikollna politiċi u gvernijiet sħaħ li l-ordnijiet, bl-iskuża tal-ħolqien tax-xogħol u l-ġid, jeħduhom mingħand dawk li jfittxu biss l-interessi tagħhom. Ma nistgħux infasslu l-pjanijiet tal-pajjiż skont l-interessi tal-ftit, dejjem bl-iskuża li dawn se jiġġeneraw il-ġid.

L-istorja li rrakkontawlna f’dawn l-aħħar snin kienet li biex iġġib ix-xogħol, biex toffri l-faċilitajiet lin-nies, biex tiftaħ iċ-ċentri għat-tfal waqt li l-ġenituri jkunu x-xogħol, biex tgħolli l-pensjonijiet, biex tagħmel it-trasport tal-iskejjel b’xejn, trid taqdi mill-koxxa lil min irid jinvesti l-flus il-kbar. Trid tħallih jagħmel li jrid. Trid tissagrifika l-ftit art mhux mibnija li fadlilna, ir-raba’, l-arja, is-sema, il-baħar, il-portijiet, id-dawl tax-xemx, il-kwiet. Qalulna li biex tgħix ta’ nies, trid tissagrifika kollox.

Wara t-tradiment tal-qtil ta’ min kixef il-ħmieġ, hemm it-tradiment ta’ din in-narrattiva. It-tradiment ta’ eluf ta’ Maltin li fdaw ħajjithom f’idejn dawk li suppost kienu qed iħarsu d-drittijiet fundamentali tagħhom. U minflok drittijiet, tawhom urbanizzazzjoni selvaġġa, bini ma’ kullimkien, tniġġis. Ma jistax ikun li biex ikollna x-xogħol irridu nbigħu ruħna, saħħitna, dak kollu li jagħmel ħajjitna f’dan il-pajjiż daqs tikka sabiħa.

78766725_1748505168616444_8178349301953462272_n
Dr Immanuel Mifsud waqt il-Konferenza Stampa: Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta. Ritratt ta’ Lara Calleja

L-Epoka tal-Kelma

Hemm problema nazzjonali oħra li wasal iż-żmien li niffaċċjaw. Il-problema tal-ħdura fid-diskors, l-insulti, it-theddid minn wara keyboard anonima. Nafu x’jiġifieri meta l-kriminali jattakkawk fis-satra tal-lejl biex jintimidawk għax ma jaqblux mal-fehmiet leġittimi tiegħek. Nafu x’jiġifieri jinxteħet id-dawl fuq il-vittma minflok fuq il-kriminali, fuq dawk li jitkellmu favur il-ġid komuni u l-valur tal-komunità minflok fuq dawk li jiżirgħu l-ħdura.

Wasal iż-żmien li l-istat juża l-mezzi konsiderevoli tiegħu biex din l-intimidazzjoni, din il-kriminalità viljakka naqilgħuha minn ġol-ħama tossiku li fih titrabba u tikber. Dan pajjiż ċkejken li fih m’għandux ikun impossibbli li l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw lill-persuna li tħammeġ u thedded u twerwer.

Fil-ktieb tiegħu Words Like Loaded Pistols: Rhetoric from Aristotle to Obama, Sam Leith jgħid li qed ngħixu fl-epoka tar-retorika, epoka li fiha l-kelma għandha aktar poter minn qatt qabel. Hija kelma li kapaċi tilħaq lil għadd kbir ta’ nies f’tebqa t’għajn. Imma hija wkoll l-epoka tal-banalizzazzjoni, tal-kelma rħisa li tingħad biex tissodisfa l-udjenza għal dak il-mument. Imma ma tkunx tiswa sold imġiddem. Tkun kelma li toħroġ malajr, qisha velenu li jinbeżaq minn ġol-istonku ta’ serp maqrus.

Irridu nrawmu kultura li tirrispetta l-kelma li ngħidu u l-kelma li nagħtu. Irridu ninħabbu mill-ġdid mal-kelma meqjusa, mal-kelma rispettuża, mal-kelma sabiħa li tibni l-ħsieb minflok tobżoq il-velenu. Mhux biex inkunu “politikament korretti,” imma biex nirrispettaw lil xulxin.

Permezz tal-kelma tagħhom, il-ġurnalisti Maltin kellhom sehem kbir fil-kxif tax-xibka ta’ pjaċiri, korruzzjoni, u omertà li ilha magħna ħafna snin u li ftit jew wisq aċċettajna li hija inevitabbli fir-repubblika indipendenti, ħielsa u Ewropea tagħna. Is-sehem tagħhom fil-ħidma kontra din il-kultura ta’ korruzzjoni se jibqa’ jkun importanti ħafna.

Imma f’dik li Immanuel Mifsud sejħilha t-Tieni Repubblika,[viii] minbarra l-bidliet sistemiċi, il-pass deċiżiv irridu nagħmluh aħna bħala poplu, individwalment, kull waħda u kull wieħed minna. Għax kif qalet Andrea Dibben nhar is-Sibt 30 ta’ Novembru maġenb il-monument ta’ Manwel Dimech fi Pjazza Kastilja, “l-ebda liġi u l-ebda sistema mhi perfetta u tiddependi ħafna mir-rieda tajba ta’ dawk li jattwawha.” Inutli jkollna istituzzjonijiet b’saħħithom li xogħolhom hu li jaraw li kulħadd jobdi l-liġi, li kulħadd iqiegħed il-ġid komuni qabel kull interess personali, jekk f’dawk l-istituzzjonijiet, f’dawk il-bordijiet, f’dawk il-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà u ta’ tmexxija jkun hemm persuni li meta jiġu għas-si u n-no, jagħżlu buthom, jagħżlu l-ħbieb tal-ħbieb, jagħżlu li jilagħbu bil-kliem biex jilagħbu bil-liġi u bid-drittijiet tagħna lkoll.

Jien ma nemminx li l-istituzzjonijiet tagħna rridu nħottuhom biex nibnuhom mill-ġdid. Ma nemminx li f’pajjiżna m’għandniex is-saltna tad-dritt. Nemmen li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà kbira u żgħira tiegħu. Tkun xi tkun. U li trid issir ġustizzja anki meta l-ħuta tkun kbira. Anzi, iktar ma tkun kbira l-ħuta iktar irridu nippretendu mingħandha livell għoli ta’ trasparenza, ta’ dover, ta’ responsabbiltà.

Fl-istess ħin, dak li rajna f’pajjiżna, speċjalment mill-kxif tal-kontijiet tal-Panama ’l hawn, juri li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru f’pajjiżna għandha poter kbir wisq. Iktar ma jkollha poter f’idejha, iktar se jkollha t-tentazzjoni li tabbuża minnu. U mbagħad it-tentazzjoni li tagħmel minn kollox biex tostor l-abbuż. Huwa fost l-oħrajn għalhekk li Joseph Muscat kellu jirriżenja minnufih meta ntefa’ dell ikrah ħafna fuq l-uffiċċju tiegħu. Għax iktar ma jkun kbir il-poter, iktar tkun kbira r-responsabbiltà li trid terfa’ l-persuna li jkollha f’idejha dak il-poter.

Biex is-sistema ta’ tmexxija ta’ pajjiżna taħdem sew, biex il-poteri differenti jgħassu fuq xulxin u mhux jindiehsu ma’ xulxin, iridu jkunu indipendenti minn xulxin: il-gvern, il-qrati, il-pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-awtoritajiet differenti, speċjalment l-Awtorità tal-Ippjanar… Inkella, kif ġara issa u ġara kemm-il darba taħt amministrazzjonijiet differenti, il-pajjiż jerġa’ jinħakem mill-interessi tal-ftit. James Debono u Marie Briguglio diġà ppreżentaw sensiela ta’ proposti dwar kif nistgħu inbiegħdu n-negozjanti l-kbar mill-politiċi u nsaħħu t-trasparenza u l-meritokrazija fil-governanza pubblika.[ix] Kulħadd irid jagħti sehmu, imma s-sehem tal-kbar irid jirrifletti l-kobor tal-poter u r-responsabbiltà tagħhom. U ma jistgħux iġibu ruħhom bħallikieku xejn mhu xejn jekk jinxteħet l-iċken dubju leġittimu fuq il-kredibilità u l-onestà tagħhom.

78808098_2232846550153516_4339469079946461184_n.jpg
Konferenza Stampa: Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta. Ritratt ta’ Lara Calleja

Ir-Responsabbiltà Individwali

Fl-20 ta’ Novembru ta’ dis-sena, Leonardo Sciascia, wieħed mir-rumanziera politiċi ewlenin tas-seklu għoxrin, għalaq 30 sena mejjet. Fin-narrattiva tiegħu, Sciascia kiteb bla ħniena fuq il-Mafia mingħajr ma sejħilha b’isimha,[x] għax hija mentalità, imġiba li ssibha f’kull saff tas-soċjetà. Tletin sena ilu li miet, imma l-istejjer mistħajla li rrakkonta dwar it-taħbila kriminali bejn il-politiċi, in-negozju u l-kompliċità tas-soċjetà jibqgħu dejjem ħajjin, dejjem ferita, dejjem diqa.

Fil-vena tar-rumanzi ta’ Sciascia, 40 sena ilu din is-sena Frans Sammut kiteb “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Ħorr,” ġrajja mistħajla li fiha l-poter politiku jitħabbeb mal-poter tan-negozju u t-taħbila tħalli warajha l-ġisem mejjet ta’ bniedem. Hija storja li dejjem xtaqt li jkollna l-opportunità li naqrawha mal-istudenti tas-sekondarja għax tqanqal mistoqsijiet kbar li ilhom magħna mill-inqas mill-Indipendenza.

Skont Andrea Schembari, studjuż tal-letteratura ta’ Sciascia, meta l-poter politiku jiddeġenera jista’ jagħmel ħsara “katastrofika” lis-soċjetà. Quddiem dan il-poter imxajtan, “L-individwu għandu l-obbligu li kontinwament ifittex l-ispazju tal-libertà tiegħu, li jaġġorna ruħu, li jħares madwaru, li jinforma ruħu, li jaqra, li jitgħallem.” Jekk l-espressjoni tal-poter tiddeġenera u tmur kontra d-drittijiet tal-individwi u taċ-ċittadini, in-nies komuni għandhom id-dmir li jirreaġixxu. Schembari mhuwiex isejjaħ lin-nies biex iwettqu atti erojċi jew atti ta’ rivoluzzjoni: irridu nieħdu dik li jsejħilha “pożizzjoni ta’ kuxjenza ċivili.”[xi]

Naħseb li llum, wara t-traġedja u wara l-umiljazzjoni, m’għandniex għażla: irridu nerfgħu, kull waħda u kull wieħed minna, ir-responsabbiltà tagħna bħala membri ta’ komunità miġruħa u nqiegħdu l-ħaqq u l-ġid komuni l-ewwel u qabel kollox. U rridu nippretendu li l-mexxejja eletti tagħna jagħmlu l-istess, bi skruplu ikbar minn tagħna, għax il-poter tagħhom huwa ikbar.

 

Adrian Grima huwa kittieb u akkademiku. Tkellem dwar il-letteratura Maltija u r-rappreżentazzjonijiet tal-Mediterran f’konferenzi f’Malta u barra minn Malta u qara l-poeżiji u n-novelli tiegħu f’festivals letterarji madwar id-dinja. L-iktar xogħol letterarju riċenti tiegħu huwa Skizzi għas-Sette Giugno, b’mużika jazz ta’ Dominic Galea.

Id-9 ta’ Diċembru 2019


78701068_982821312095507_8800501952166232064_n.jpg
Konferenza Stampa: Politika Nadifa, Soċjetà Ġusta. Ritratt ta’ Lara Calleja

After the Betrayal

The country has been betrayed and humiliated. The brutal assassination of Daphne Caruana Galizia, the tortuous uncovering of the plot, and the attempts by those who commissioned the murder to cover their tracks and derail the investigations have deepened our national anguish. Because even though we were not involved in this heinous crime, we are, as Maltese citizens, indirectly involved. We allowed the creation of a political environment in which the masterminds and executioners felt emboldened to act.

The collusion between big business, politics and organised crime reminds me of the political novels of the iconic Sicilian writer Leonardo Sciascia and a long short story in the Sciascia vein by the Maltese writer Frans Sammut. In “The Murder of Sqaq il-Ħorr,” a parliamentarian acknowledges his debt to the business partner who financed his electoral campaign and intervenes to abort the police investigations into a murder in which he was directly involved.

We still do not know enough about the journalist’s assassination to draw too many conclusions. But what we do know is that revelations about the plot have forced our hugely popular Prime Minister to announce that he will be resigning in January and top government officials to be sacked. In hindsight, Evarist Bartolo’s 2016 reference to a shadow government when Daphne Caruana Galizia broke the news that two top government officials had secret accounts in Panama now sounds bizarrely prophetic.

The allegations that high-ranking officials in the Prime Minister’s Office conspired with a rogue businessman and a loan shark to kill the journalist because of the truth she revealed or was about to reveal remind us of the fragility of democracy and our duty to be constantly vigilant. Back in 1941, George Orwell declared that “Nearly the whole cultural and intellectual life of the community – newspapers, books, education, films, radio – is controlled by monied men who have the strongest motive to prevent the spread of certain ideas.” Because “the citizen of a democratic country is ‘conditioned,’ from birth onwards,” we should all shoulder the responsibilty to keep our democracy and the organisations and institutions that guarantee its existence healthy.

One issue that needs to be addressed urgently is that of hate speech. In what Sam Leith has called the “epoch of rhetoric,” words have become commodities that are often traded or sold to the highest bidder. To restore our democracy we need to use words with respect and dignity. Otherwise we risk endangering the shared values that allow us to live together in peace and justice.

We have to be especially respectful of those who speak out. The Maltese press has played a significant role in the uncovering of misdeeds by the powers that be. We should not allow conscientious journalists to be vilified. Neither should we allow public discourse to slide into mudslinging and insults. What is ultimately at stake, apart from our self-respect, is our democracy.

As citizens we are duty bound to shoulder our civic responsiblities. But we should also demand that our elected leaders are accountable for achieving the highest possible standards in their work and conduct. We should expect no less.

 

Adrian Grima is a writer and academic. He has presented papers about Maltese literature and representations of the Mediterranean at conferences in Malta and abroad, and read his poetry and short prose at literary festivals around the world. His most recent literary work is a cycle of poems, Skizzi għas-Sette Giugno, with jazz music by Dominic Galea.


 

[i] “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Ħorr,” Newbiet ta’ Frans Sammut. Toni Cortis, 1998.

[ii] Matthew Caruana Galizia, “Heartbreaking Inquiry Testimony Of The Son Of Murdered Journalist Daphne Caruana Galizia,” Lovin Malta December 6, 2019,  https://lovinmalta.com/news/read-the-full-statement-heartbreaking-inquiry-testimony-of-the-son-of-murdered-journalist-daphne-caruana-galizia/

[iii] Raisa Galea, “Daphne Caruana Galizia: Hero abroad, an enemy at home,” Isles of the Left, 16 October 2019, https://www.islesoftheleft.org/daphne-caruana-galizias-polarised-legacy-a-hero-abroad-an-enemy-at-home/

[iv]  Karl Schembri, “Joseph Muscat and his landslide of moral bankruptcy,” Malta Today, Dec. 3, 2019. https://www.maltatoday.com.mt/comment/blogs/99024/joseph_muscat_and_his_landslide_of_moral_bankruptcy#.Xejke5NKhQI

[v] Matthew Agius, Massimo Costa. “Caruana Galizia public inquiry continues in court today,” Malta Today, 10 December 2019, https://www.maltatoday.com.mt/news/court_and_police/99177/live_caruana_galizia_public_inquiry_continues_in_court_today

[vi] Evarist Bartolo, Facebook, 5 ta’ Diċ. 2019. https://www.facebook.com/evarist.bartolo/

[vii] George Orwell, Orwell on Truth. Harvill Secker, 2017,  28.

[viii] Immanuel Mifsud 06.12.2019. https://youtu.be/SqTY-sdXZg0; Matthew Vella, “Immanuel Mifsud’s solemn call to Maltese citizens to build their republic anew,” Malta Today 06.12.2019  https://www.maltatoday.com.mt/news/national/99090/watch_immanuel_mifsuds_solemn_call_to_maltese_citizens_to_build_their_republic_anew#.Xez4JZNKjBI

[ix] James Debono, “We need these five things in place for a firewall between big business and politics,” Malta Today, 4 December 2019, https://www.maltatoday.com.mt/news/national/98985/we_need_this_five_things_in_place_for_a_big_firewall_between_big_business_and_politics#.Xe7gDJNKjBI; Marie Briguglio, “Unravel the tangled web,” The Malta Independent, 7 December 2019 https://www.independent.com.mt/articles/2019-12-07/newspaper-opinions/Unravel-the-tangled-web-6736217177?fbclid=IwAR1ZyVCewIUYk3R4fZde_ik3Z_0ViOR_Ln6kdSunQTgMSIgMGEWTf5IHEiw

[x]  Pino Finocchiaro, “Leonardo Sciascia. La parola contro l’oblio,” RaiNews, http://www.rainews.it/dl/rainews/media/leonardo-sciascia-La-parola-contro-oblio-b2e3e073-b377-4602-8e44-9d73278d9949.html,

[xi] Finocchiaro, “Leonardo Sciascia. La parola contro l’oblio.”


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s