Il-Waqt Storiku tal-Poeżija

Diskors ta’ Adrian Grima fit-tnedija ta’ Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel ta’ Mario Cardona fil-Librerija tal-MCAST, il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2019

mario cardona ktieb

It-tnedija ta’ ktieb tal-poeżiji inevitabbilment tqanqal mistoqsijiet dwar ir-relazzjoni bejn il-kitba u l-kuntest storiku li fih tiġi ppreżentata. Kif se naqraw din il-ġabra ta’ poeżiji ta’ Mario Cardona llum, f’dan il-mument storiku partikulari? X’inhu s-sinifkat ta’ dawn il-poeżiji għalija, imma anki għalina, bħala komunità, bħala poplu? Kif jinfluwenzaw il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja, il-mewt, l-imħabba, il-ġmiel, in-natura, l-urbanizzazzjoni selvaġġa, ir-regħba, il-politika, l-għajxien tagħna flimkien? Dawn il-poeżiji kif jalteraw il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna dwar il-kelma, dwar is-skiet?

Meta nidejna dan il-ktieb Ħal Qormi ftit ġimgħat ilu, fl-1 ta’ Novembru 2019, minkejja li għaddew biss ftit ġimgħat, il-mument storiku kien differenti. Mhux biss għax ma konniex qed nassistu għal reality show mhux tas-soltu, imma għax kull mument huwa differenti.

U bħalma l-mument, il-mument storiku huwa dejjem differenti, anki s-sehem tagħna l-qarrejja fil-kitba tat-test letterarju huwa dejjem differenti. L-Adrian li qara dawn il-poeżiji fl-1 ta’ Novembru mhuwiex l-Adrian tal-lum. U għalhekk dawn il-poeżiji mhumiex l-istess, lanqas. Għax bħala qarrejja għandna sehem kruċjali fil-proċess kontinwu tal-kitba tax-xogħol letterarju. Mhux sehem importanti: sehem determinanti. Poeżija ma teżistix f’xi tip ta’ vojt, ta’ vakwu. Poeżija “sseħħ” fil-kuxjenza, fil-konoxxenza tal-bniedem jew tal-bniedma partikulari li taqraha. Għalhekk, jien ma nistax naqra poeżija bħal “Ġlata” jew “Mewt f’Nofs Lejl Oranġjo” bħalma taqrawha kull wieħed u waħda minnkom. Ma nistax naqra poeżija bħal “Fabric Softener” bħalma jaqraha ħaddieħor. F’kull qari tagħha, din il-poeżija tinkiteb mill-ġdid. U tqanqal ħsibijiet, sentimenti, sensazzjonijiet, u assoċjazzjonijiet mentali oħra.

Meta naqra dawn il-poeżiji sbieħ u importanti ta’ Mario Cardona llum, iġegħluni naħseb fuq il-ħtieġa kontinwa li nħossu li nixkfu l-verità kollha dwar il-mument. Ir-rivoluzzjoni informatika u r-rivoluzzjoni tal-mezzi soċjali għabbewna b’din il-ħtieġa li nsibu risposti immedjati għall-mistoqsijiet il-kbar tal-mument, mistoqsijiet li joħolqu l-mezzi tax-xandir u s-siti soċjali nfushom. L-ansjetà tagħhom issir l-ansjetà tagħna. Il-mistoqsijiet tagħhom isiru l-mistoqsijiet tagħna. L-aġenda tagħhom issir l-aġenda tagħna. Jista’ jkun li t-temi u r-ritmi tal-mezzi tal-komunikazzjoni li ħakmu l-kuxjenza tagħna mis-snin disgħin tas-seklu l-ieħor ’l hawn ħakmulna ħajjitna, imponew ir-ritmi frenetiċi tagħhom fuq ħafna mill-iktar aspetti importanti ta’ ħajjitna: fuq kemm kapaċi naraw, fuq kemm kapaċi nisimgħu, imqar lil xulxin, imqar lilna nfusna.

Il-poeżija ta’ Mario Cardona tirreżisti din il-ferneżija, din l-ansjetà eżistenzjali l-ġdida, din it-tiftixa kontinwa għat-tifsira kollha f’salt. Timponi ritmu differenti din il-ġabra ta’ poeżiji mill-isbaħ. Tfittxux tifsiriet sħaħ u ta’ malajr. Tfittxux soluzzjonijiet lesti. Mario Cardona qed jesplora kwistjonijiet li jħassbuna u kultant inikktuna, imma meta nitkellmu fuqhom, imqar fis-skiet, nistrieħu.

Il-ġrajjiet li jseħħu ta’ kuljum kapaċi jaqtgħulna nifisna. Imma dawn il-poeżiji ta’ Mario Cardona għandhom nifs twil. U minkejja li ma jnaqqsulna xejn mill-ansjetà eżistenzjali tagħna, mill-preokkupazzjonijiet tagħna dwar il-ħajja, dwar il-ġustizzja, dwar il-mewt, joffrulna nifs ġdid. Għax joffrulna dik li Sigmund Freud isejħilha “s-sublimazzjoni,” it-trasformazzjoni tal-ansjetajiet u l-ġibdiet negattivi tagħna fi ġmiel, f’ritmi u mużikalità. Dawn poeżiji li jittrasformaw id-diżorjentament tal-mument fi xbihat u metafori li jmissu l-qalb u l-qalba tal-eżistenza fraġli imma felħana tagħna. U jagħtuna mqar ħjiel tal-misteru l-kbir tal-ħolqien.

 

Ħajr lis-Sa Liza Franco, li tmexxi l-librerija tal-MCAST, u lill-ħaddiema kollha


 

 

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s