Iċ-Ċelebrazzjoni taċ-Ċokon

Il-Gimgha l-1 ta’ Novembru fis-7.30pm, il-każin tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Bastjan f’Ħal Qormi jiftaħ il-bibien biex jilqagħkom għat-tnedija tal-ktieb tal-poeżiji ta’ Mario Cardona, Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel. Pubblikazzjoni Horizons. Naqraw siltiet mill-poeżiji u nisimgħu xi whud mill-protagonisti tal-poeżiji jikkummentaw dwarhom. Jiftaħ is-serata Adrian Grima. Nispiċċaw bi ftit ikel u ovvjament, birra!

75348915_2549173511832204_8925613537749893120_n.jpg


Diskors ta’ Adrian Grima fit-tnedija ta’ Fuq Kaxxa tal-Birra Rasha ‘l Isfel ta’ Mario Cardona

Dawn ta’ Mario Cardona mhumiex poeżiji komdi. Mhumiex taħniniet li tintefa’ fuq il-pultruna bihom il-Ħadd filgħaxija biex iħannuk. Dawn ritratti skomdi, li jġegħluk thewden. Stejjer tas-soltu li l-poeta jirrakkontahom b’ħila mhux tas-soltu. Minn angoli differenti. Bix-xtur. Minn ġod-dlam tal-indifferenza ta’ soċjetà medhija wisq biha nfisha biex tara liċ-ċkejknin, biex tapprezza ċ-ċokon. Dawn il-poeżiji jiskjeraw ruħhom maġenb iċ-ċkejknin. Jiċċelebraw iċ-ċokon.

Mario Cardona ma jridx ikun parti mill-“magna l-kbira” li tiffabbrika l-kunsens, li tiddrittana u tirregolana u mbagħad, skont kemm noqogħdu, tippremjana. Il-magna l-kbira taħkem, toħnoq, teħodna fi ħdanha, twennisna; imma l-libertà ta’ dan il-poeta mhix għall-bejgħ. U allura dawn poeżiji skomdi. Biċċa għuda siekta fl-univers. Ċelebrazzjoni taċ-ċokon. Skalda fil-laħam tari ta’ gżira ċkejkna b’ras kbira.

Mill-Indipendenza ’l hawn, pajjiżna għamel il-mirakli. F’kull qasam. Inqata’ mill-arroganza tal-Imperu Ingliż, irkupra mit-tifrik ta’ gwerra dinjija li farrket il-ibliet u l-ħajjiet tan-nies, beda jibni ekonomija awtonoma, ħeles mill-forzi armati u l-bażijiet militari ta’ qawwiet barranin, u beda jemmen aktar fih innifsu, minkejja ċ-ċokon tiegħu. Imma kemm ilna indipendenti għamilna ħafna żbalji wkoll, żbalji li qatt ma jistgħu jitħassru.

Illum, 55 sena wara l-kisba tal-Indipendenza, 40 sena wara l-għeluq tal-bażijiet militari barranin li użaw ’il pajjiżna bħala aircraft carrier, u kultant bħala burdell, nistgħu nħarsu madwarna u nqisu dak li għamilna f’pajjiżna, dak li għamilna b’pajjiżna. Aħna bħala Maltin, qed ngħid. Mhux il-mexxejja tagħna, dawk li tajniehom il-fiduċja biex imexxuna, il-barunijiet li jdoqqu t-tromba u jiddawru bil-paġġi ta’ waħda mill-poeżiji ta’ dan il-ktieb. Aħna. U madwarna naraw iċ-ċelebrazzjoni tal-kruha. Mill-kaxxi tas-sulfarini ta’ Tignè fil-bokka tal-Port ta’ Marsamxett, sal-bokka li għandhom l-ispekulaturi bil-blokki bla ħniena li telgħin fix-xiber art bejn Paceville, San Ġiljan u Pembroke. Ċelebrazzjoni tar-regħba u l-kruha.

Waqt li l-ispekulaturi jiġġebbdu kemm jifilħu biex imissu s-sema b’idejhom, u jiġu jaqgħu u jqumu minn dawk li jidfnu taħthom, Mario Cardona jintefa’ fuq kaxxa tal-birra rasha ’l isfel, u jikkontempla x-xorti tiegħu bħala bniedem ħieles, jissaħħar biċ-ċokon tiegħu f’dan l-univers. Saqajh mal-art. Attent fejn jirfes.

U waqt li ebda dagħwa ma xxebba’ lill-ispekulaturi mġewħa, Mario jistħajjel li meta l-ġlata tilħaq lilu wkoll, bħalma għad tilħaq lilna lkoll, “il-weraq merħi jsir kompost” u “forsi / tinbet xi ħaġa ġdida. / Forsi faqqus il-ħmir. /  Forsi balluta.”

Għax fiċ-ċelebrazzjoni taċ-ċokon hemm il-kobor. Hemm l-univers fil-kristalli li joktru fir-riħ isfel matul il-lejl. Hemm il-ġmiel tal-ħemda.


It-tliet poeżiji ta’ Mario Cardona li qrajt fit-tnedija:

Ġlata

Fl-aħħar il-ġlata tilħaq lilna wkoll,
tiffriża l-ilma li jiskorri ġol-arterji.
Tixroblok minn ġo qalbek il-ħajra għat-taħbit.
U ebda inkwiet ma jħarrkek iżjed
bi ħsibijiet nervużi.

Il-ġlata ħemda msaħħra
li bi ġmielha ċċaħħdek mill-wisa’

fejn kultant tista’ tgħid iwa,

kultant le.

Bil-ġlata hemm biss soluzzjoni waħda:
ir-riħ isfel
li jdewweb il-kristalli li kotru tul il-lejl
u l-weraq merħi jsir kompost.
U forsi
tinbet xi ħaġa ġdida.
Forsi faqqus il-ħmir.
Forsi balluta.

 

Mewt f’Nofs Lejl Oranġjo

Kien lejl oranġjo mdaħħan

b’qamar inixxi d-demm.

Ir-rabja li ġmajt f’ħamsin sena,

waħdek – ġo vagun f’nofs ferrovija twila, bajda, vojta,

tpassi bejn dar bla bieb u bieb bla dar,

ridt tqerrha fuq tazza wiski ġo ħanut fil-pjazza.

Imma t-tazza ħatfuhielek.

Beżgħu li bħal Sokrate,

bit-tazza tal-mewt f’idek,

taqralna l-kundanna.

 

Imma f’nofs dal-lejl twil daqs ħajta dawl oranġjo

ridt turina li t-tinda tal-inċirata li stkennejna fiha

ma kinitx biżżejjed biex issalvalna ’l widnejna

mill-ħanqa mwaħħxa tiegħek.

Ħriġt irrabjat mill-ħanut tal-pjazza

u ġejt tittanta toftoq it-tinda tagħna bis-sikkina ta’ kirurgu.

Imma int m’intix l-espert li taħseb l’int.

Ilqatt ’il ġewwa żżejjed!

U qomna b’ħasda mill-anestesija,

u sejjaħna lill-gwardjan li dawwar il-mus għal fuqek.

 

U issa skitt.

Baqa’ biss tmien pari żraben tqal

jimxu b’rogħda mrażżna minn bankina s’oħra,

sikkina ta’ kirurgu mċappsa f’nofs ta’ triq,

il-firma ħamra tiegħek imżellġa

ma’ liżar abjad fuq it-tarmak,

u qamar inixxi d-demm

f’nofs lejl oranġjo mdaħħan.

 

Murtal

Hemm murtal tal-bomba marsus f’sidri.
Il-miċċa tiegħu mxebilka ma’ moħħi.
Iċedi s-sider.
Jisplodi l-murtal.
Mewġa mill-grigal tfaqqa’ ma’ xfar għajnejja.
Il-qafas ta’ sidri jistrieħ.
Ir-riħa tal-porvli tħeddilni.
U jaqa’ d-dlam.


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s