Come un granello di sabbia f’Malta

granello.jpg

Ilbieraħ is-Sibt 26 ta’ Ottubru 2019, fit-teatru tal-Università fil-Belt, Mana Chuma Teatro tella’ l-monologu Come un granello di sabbia (bħal farka ramel, bħal ramla). Kienet it-tieni darba, wara Cologne fil-Ġermanja f’Marzu li għadda, li dan ix-xogħol, maħdum fuq il-palk mill-attur verament bravu Salvatore Arena, u miktub flimkien ma’ Massimo Barilla, inħadem barra mill-Italja. Fil-jiem li ġejjin, b’riħet Elizabeth Grech, din il-produzzjoni intensa se tittella’ Pariġi. 

Ilbieraħ filgħodu, Mana Chuma saru jafu li dan id-dramm rebaħ il-premju nazzjonali tal-kritika fl-Italja għall-2019. Aħbar mhux mistennija li kompliet għamlet il-produzzjoni tal-bieraħ speċjali. 

Come un granello di sabbia hija l-istorja vera ta’ ġuvnott ta’ 18-il sena, Giuseppe Gulotta, li flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn jintbagħat il-ħabs għal għomru mixli bil-qtil ta’ żewġ carabinieri fis-27 tal-1976. Kien għalkollox innoċenti. Frame-up klassiku. Il-qtil kien parti mill-“istrateġija tat-tensjoni” tan-neo-Faxxisti u elementi sovverviżi fl-apparat tal-istat innifsu li ħakmet lill-Italja fis-snin sebgħin tas-seklu għoxrin. 

Lil Giuseppe Gulotta arrestawh mill-ewwel u xlewh bil-qtil tal-carabinieri Salvatore Falcetta e Carmine Apuzzo fl-għassa ta’ Alcamo Marina ta’ Trapani. L-akkuża kienet mibnija biss fuq stqarrija ffirmata miż-żgħażagħ wara ġranet ta’ tortura fiżika u psikoloġika. Fl-1990, wara sensiela ta’ proċessi fil-Qorti, Gulotta ntbagħat il-ħabs u qatta’ 22 sena maqful. Il-każ tiegħu reġa’ nfetaħ fost l-oħrajn meta wieħed minn dawk li ttorturawh beda jikxef dak li ġara. 

Minkejja li hu monologu, l-attur Salvatore Arena jaħdem il-parti ta’ għadd ta’ karattri, u l-vuċijiet differenti tagħhom jidħlu f’xulxin b’ħeffa kbira, mingħajr ma l-udjenza titlef il-fil tal-istorja u ta’ min qed jitkellem. Arena jirrakkonta l-aktar mill-perspettiva ta’ Gulotta, fl-ewwel persuna, wara li ħareġ mill-ħabs. Massimo u Salvatore tkellmu miegħu fit-tul fuq il-każ tiegħu u għamlu riċerka estensiva fuq perjodu mudlam tal-istorja tal-Italja. Gulotta nnifsu, li issa għandu fuq is-sittin, spiss ikun preżenti għar-rappreżentazzjonijiet li jsiru madwar l-Italja u attenda madwar 50 mis-70 produzzjoni li saru f’issa. 

Wara l-produzzjoni ma' Salvatore Arena u Massimo Barilla
Ma’ Salvatore Arena u Massimo Barilla wara r-rappreżentazzjoni

Il-ġrajja nfisha hija importanti għax waqt li tirrakkonta dak li seħħ lil bniedem wieħed (u lil sħabu), tirrakkonta wkoll perjodu fl-istorja ta’ pajjiż. Iżda din il-produzzjoni ta’ siegħa tirnexxi tant minħabba d-drammaturġija, il-ħila fir-reċtar u l-intensità emottiva li biha Arena jirrakkonta, u jġarrab, il-ġrajja kollha. Tirnexxi minħabba l-vuċijiet u l-lingwaġġi differenti li jwassal. Hemm vjolenza u liriċità kbira fir-rakkont, hemm ritmu li jaqtagħlek nifsek fil-kliem u l-frażijiet u jżommok dejjem fuq ix-xwiek, ritmu li jimxi mal-anakronija li kontinwament żżomm it-tensjoni għolja u tqanqal l-emozzjonijiet. Minkejja li Arena kontinwament jaqta’ minn żmien għal ieħor, minn persunaġġ għal ieħor, minn atmosfera għal oħra, l-esperjenza li ġġarrab fl-udjenza hija dik ta’ xogħol wieħed u sħiħ li minkejja d-dimensjonijiet differenti tiegħu, għandu direzzjoni waħda ċara (u bla ħniena). Ix-xenarju ta’ Aldo Zucco u l-mużika ta’ Luigi Polimeni, li t-tnejn ġew għar-rappeżentazzjoni, kienu suġġestivi u effettivi ħafna. Dawn huma artisti li ilhom ħafna snin jaħdmu flimkien fi ħdan Mana Chuma u din il-kompliċità tinħass sew fl-integrita tematika u stilistika tax-xogħol. 

Come un granello di sabbia, b’sopratitli bl-Ingliż ta’ Simon Bartolo, ittella’ bħala parti mid-XIX-il edizzjoni tal-Ġimgħa tal-Lingwa Taljana tal-Istitut Kulturali Taljan f’Malta, bi sħab mal-Kunsill Malti tal-Arti, Teatru Malta u L-Università ta’ Malta. 

Come un granello di sabbia – coproduzione Mana Chuma Teatro e Horcynus Festival

Giuseppe Gulotta, storia di un innocente 

Regia e drammaturgia / Salvatore Arena • Massimo Barilla

Consulente Storico / Nicola Biondo

Musiche Originali / Luigi Polimeni

Scene / Aldo Zucco

Disegno Luci / Stefano Barbagallo

Foto di Scena / Marco Costantino


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s