Triq il-Mediterran

Kitba tal-2007 li qrajt fl-avveniment ta’ Jum Pembroke organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke fl-4 ta’ Lulju 2019. Grazzi lis-Sindku, Dr Dean Hili tal-istedina u l-atrmosfera. Naħseb li ħafna nies minn Pembroke għandhom stejjer simili x’jirrakkontaw.

Attached bicycles
Ir-ritratt isselliftu minn fuq l-internet. https://www.marytribble.com/you-cant-ride-two-bikes/

TRIQ IL-MEDITERRAN

Ir-riħ mill-majjistral ġej minn warajja u xi mkien fuq l-orizzont, lil hinn minn Triq il-Mediterran, hemm żewġ vapuri weqfin, qishom twieqi. Il-kwiekeb mċajprin, imma ftit tal-ħin ieħor is-sema jkun tagħhom mill-ġdid. Triq il-Mediterran: Jien u Samwel soqnieha darbtejn dil-ġimgha, bejn wieħed u ieħor dal-ħin. Darba ’l hemm u darba ’l hawn; jien bil-bozza tad-dynamo fuq quddiem u Samwel bil-helmet taċ-ċiklisti fuq wara, naqdfu ġot-tlajja’. Il-majjistral ġej minn fuq ix-xagħri, lil hinn mid-djar. 

– ’Il fejn Sam? 

– Fejn trid, Pa, basta għan-niżla. 

U noftqu r-riħ bi mnifsejna u ma’ ħaddejna Triq il-Mediterran.  

Id-dwal tal-karozzi jgħaddu tnejn tnejn u nisma’ t-tfal jgħajtu għall-ballun fil-ground tal-Luxol. Il-ksieħ tiela’ minn ġo saqajja. Mill-ground tal-Melita l-fanali l-ġodda jifqgħu s-sema u x-xagħri u jinterrogaw ġurnata xogħol u ġiri f’rasi. It-tieqa ta’ faċċata, żewġ toroq ’l isfel, daharha lejn il-Mediterran, qed itteptep milied ieħor u father christmas għadu tiela’ mal-faċċata. Ilu mis-sena l-oħra. Il-magni tal-karozzi jissaltjaw minn kullimkien. Tgħid jitfuhom il-fanali illejla? 

Wara s-siġar u l-ħnejjiet bil-ġidra ta’ żmien l-Ingliżi mal-Forti ta’ Pembroke tidher ras it-torri ta’ Portomaso qisha t-tarf ta’ rigg taż-żejt jew naviċella spazjali. Is-sireni fit-triq ta’ St Andrews jxoqqu s-sema. Għaddejjin il-pulizija, naħseb weħlu fit-traffic lights. Qed nismagħhom warajja. Jew forsi ambulanza. Ma nagħrafhomx.

Dal-ħin konna qed naqdfu għan-niżla.

– Nerġgħu nagħmluha, Pa.

Għad għandi l-fawra tal-majjistral f’ħaddejja. U leħen ibni.

 

Adrian Grima | 2007


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s